Sunday, 25 June 2017



Int Biss.
Int biss taf ja sirena ta’ wiċċ b’ieħor, kemm kont attur iddiżgrazzjat fit-teatrin tal-attaparsi, nagħmilha ta’ dak li qatt ma kont jew stajt inkun. Kemm kelli ngħix ħajjiet li qatt ma għexthom. Int biss taf għaliex illum titbissem quddiem daċ-ċirku penitenzjajru ta’ dnubiet mhumiex maħfura tal-logħba li jilghabu dawk kollha li jasbu li l-ħolqien hu biss il-mandra tad-dar tagħom.

Int biss, sirena tat-tamiet iż-żgħar, kull darba li tgħannili l-għanja siekta tal-għeġubijiet mistħajjla li dejjem ngħanni jien fl-uġih tas-sensazzjoni.

Int biss sirena tal-għanjiet minsija li tintasab fuq l-skoll ta’ ħajjti siekta, tgħanni l-agġjiet tal-gawwi li jobrox is-sisien bid-dwejjaq tiegħu, taf tgħidli kemm kien il-ħin mitluf meta lkoll ħsibna li nibnu xi monument li jibqa’. Imbagħad staqsejna dan kollu x’seta’ kien lil dawk li baqgħu iċċassati iħarsu lejn l-arloġġ u bqajna bla tweġiba.

Int biss sirena tal-awgurju t-tajjeb tfakkarni fit-turment ta’ ħbiberija mhix imwassla . . .

Int biss sirena tal-ambivalenzi li tajtni r-rima l-metru u l-konfini tal-ħsieb li dejjem jimraħ.

Int biss li sirt tafni sew, li tibgħat in-nebħiet fil bżieżaq tas-sapun jinfaqgħu f’wiċċi.

Int biss.

Alfred Grech

25/06/2017

No comments:

Post a Comment