Lili.
Lili li qiegħed hawn ngħix ħajjti
maġenb l-assenza tiegħek, ismagħni
bħalma tisma’ x-xita nieżla
jew l-iwiefen illi jaħbtu mal-kampnari tal-għerf
li konna ġmajna
fid-dalma ta’ dal-lejl iħares ġewwa fina.
Iftaħli l-bieb tal-meravilji
fuq ħerża ta’ bir ħiemed
li qatt ma tista’ tara qiegħhu
fejn jirgħu ħafna nsetti fl-ilma qiegħed.
Noqgħodu nħaffru jew nistagħbu bix-xejn tagħna
bil-baħħ jirbombja ta’ ġo fina
fejn inti qatt ma tfittex
fejn wiċċ il-lejl jitkixxef għal darb’oħra
u jħares lejħ innifsu.
Imqar ritratt jirrakkuntalna u jikkunslana
bil-frugħa ta’ żmien ilu
għax għandu mnejn jirxoxta s-sensazzjoni
f’dawk il-waqtiet ta’ ġenna efimerali
u d-dellijiet li jiffullaw fuqna
qabel terġa tiġi lura
fuq l-għolja tat-trasfigurazzjoni.
Sadanittant jien nibqa’ hawnhekk
nistenna.
Alfred Grech
14/01/2018
No comments:
Post a Comment