Saturday, 20 January 2018




Xejn Aktar Ma Tkun Tiswa’.

Xejna aktar ma tkun tiswa’ din ix-xniegħa,
Tellieqa biex tinqara fl-ewwel paġna
Tiżżewwaq u tinbidel ma kull siegħa
Skond min kapaċi l-aktar jitfa’ xrara.
Biex aħna nsiru dejjem it-telliefa,
Għax din tellieqa li qatt mhu ser nirbħu
Għax jirbħu l-qaddisin ta’ wara l-kwinti
U jirbħu n-nisa tagħhom, dawk li jservu:
Tellieqa din ta’ min jaf jgħix il-gidba.
Għaliex qatt mhu se jitla’ ż-żejt f’wiċċ l-ilma,
Itambru kemm itambru l-ġurnalisti,
Profeti tal-qlajjiet u l-malafami
Mal-bċieċen li jibilgħu li jisimgħu.
Din hi tellieqa ġdida ta’ min jonfoħ
Duħħan, eklissi u bżar f’għajnejn min jara,
Minflok il-bżieżaq arja u sensazzjoni
Bħal kif l-ekonomija dejjem tikber
Bħal xi bużżieqa qatt mhu ser tinfaqa’.
Din hi tellieqa ta’ min jgħajjat l-aktar,
Ħanġra ta’ ljun li jwerwer il-foresti;
Li ġġiegħel lil-kullħadd f’qoxortu jidħol
U jaqra t-taħżiżiet ma ħajt ta’ ċirku.
Din hi aħbar li tiswa’ biss ġurnata,
Għax għada jaġġornawna b’aħbar ikbar.

Alfred Grech

20/01/2018

No comments:

Post a Comment