Monday, 22 January 2018



XLV.

Ma jdumx biex jaqbad dan in-nar tat-tiben
U mbagħad xħin jaqbad xejn ma jagħmel sħana.
Hekk hi xewqati lejk, lanqas tiżtiżen.
Aktar ma  jgħaddi ż-żmien jien qed nistagħna.

Għalhekk minn ħarset dawn in-nies aħbini,
Tikketta jwaħħlu  mhux la kemm tneħħija.
Jistħuk b’ħarsithom, minn warajk għaddini,
U b’hekk għall-ġenb inwarrbu kull stmerrija.

Aħbini wkoll minn dawk tal-unifirmi,
Minn dawk li sabu ruħhom fuq tribuna
Għax dawk taħsibom jerfgħu pis enormi,
U l-passi tagħhom tqal bħal ta’ fekruna.

Imm’aktar hu meħtieġ malajr taħbini,
Minn dik il-mera li kif jien turini.

Alfred Grech

09/01/2012

No comments:

Post a Comment