Issa li
Leħinna.
Issa
li leħinna
weħel
fi griżmejna
u l-għannej sabi ruħu waħdu
jleflef fir-raġġi aljenanti
tal-imrieżaq.
Issa li l-leħħa m’għadiex tgħaddi
mill-ħitan ħoxnin tal-kranju
biex tibgħat il- messaġ
li hawn ukoll qed ngħixu.
Issa ntbaħt ukoll
li int mhux lili tħobb
iżda l-għanja li toħroġ minn ġox-xquq imtarrfa
ta’ dan il-kjażmu abbissali
li tmis il-pern tar-ruħ.
U tifhem? Xi trid tifhem?
Ma tifhemn qatt u xejn,
kullħadd bil-fjamma tiegħu
dad-dawl xegħelnieh għalxejn.
Issa inti wkoll titniegħes u titmelles u titmiegħek
mal-fwar qaddis tal-fwieħa ferriħija
tal-poeżija ta’ bla ħjiena u ma tagħmel ebda ħsara.
Inti terġa’ lura tiġi bħalma ġejt f’żernieq il-għodwa
riekba fuq żiemel bajda.
Alfred Grech
25/02/2018