Sunday, 4 February 2018



136.
Jien naf li qatt ma tista’ tiġi miegħi
għalkemm se tibqa’ hawnhekk ittambar f’moħħi:
is-seħer qatt ma kien kif qed toħolmu
kull meta xxidd il-maskra ta’ ħaddieħor.
Inkella billi rkibt il-ferrovija
u mingħalik b’daqshekk fewwaħt il fewġa.
Il-ħofra li ħallielek kif timliha,
bid-dmugħ tal-kukkudrilli u tar-rimorsi?
Biex attaparsi tagħmel bħal ma jagħmlu
u mingħalik b’daqshekk qrobt lejn il-ġenna.
Il-ħin għaddej u qatt ma ġġibu lura
għax tkun qed tmur kontrik u f’dak li temmen
tkun toħloq simulakru fejn tistaħba
imbagħad tintebaħ f’waqt kemm kont imqarrqa.

Alfred Grech
04/02/2018

No comments:

Post a Comment