Tuesday, 31 December 2019


Ġew Fuqna.

Gew fuqna jiem ta’ swied il-qalb
Ta’ deżolazzjoni
U żdiedet id-dalma fuq wiċċ in-nies.
Il-qarnita mhux swaba bdiet tiekol
Il-qarnita bdiet tiekol lin-nies
Tisplodihom mas-sebgħa sema.
U jibqu itellgħu
‘l-fuq mis-sħab jekk jistgħu
Jitilgħu bl-axxensur
Insieħit-taraġ
U joqgħodu minn hemm fuq
Inemmsu lin-nemel ta-ġot toroq
Il-fuq minn fejn jittajwru l-ajklu l-għasafar tal-ħtif
Mhux bħal ġawwi
Il-ħares tax-xtut tagħna.
It-turrretti tagħom jidhru
Imqar minn fuq ix-xefaq
Hekk kif toqrob lejn din l-art
Li m’għadiex tnixxi ħalib u għasel.
Hekk f’daqqa waħda tingħalaq it-tnalja
Tal-qarnita biex tibqa’ bla nifs.
Serqulna x-xemx
Ħadulna l-arja
Ma baqgħalniex fejn njistgħu nimirħu.
Dalmulna l-ġranet tagħna
U xejn ma baqa’
Minn dak li kien għażiż għalina.

Alfred Grech
31/12/2019

Monday, 30 December 2019


Image result for end of the year throwing out of the window

Ifirħu.

U niġi ħdejk għad doż’oħra ta’ hena
Fil-fliexken tal-ħġieġ
Imqarr jekk narmi kollox.
Qed tara? Xejn ma jinbidel
Narmu mit-tieqa għail-isfel
Dak li m’għadux jgħodd
Lanqas għat tallaba tat-triq
Li jiġbru l-loqom
Fit-tarf ta’ sena ġdida.
Għax drajna fl-affluwenza
U issa kollox jgħodd
Fit-tkattir u fit-tkabbir
Tal ġenna virtwali
Inkella tal-ġenn tas-sokor
Fit-tkattir u fit-tħassir
Ta’ dak li konna drajna
Fl-infiż tal-bżieżaq tas-sapun
Bin-nifs tal-żasil tal-flus
U bit-tixħim.
Min fuq il-mambar tar-rikkieba toħroġ l-għajjta
“ifirħu għaliex l-ekonomija dejjem tikber!”

Alfred Grech
30/12/2019

Saturday, 28 December 2019


Image result for go away

Mintix Tismagħha?

Mintix tismagħha
l-għajta tal-folla
x’għadek tistenna
għax għadek hemm?

Mintix tismagħha
Din il-kundanna
Kulħadd itenni,
Ej’ żul minn hemm.

X’għadek tistenna
Iktar kundanna
Mill-poplu ġwejjed
Biex iżżid l-‘hemm”?

Għax kull ġurnata
Li tibqa’ ssaltan
Iżżid il-ħsara
Ma tafx bil-kemm.

U jekk qed taħseb
Li mit se tħalli
Għad jistħuk sħabek
Ejj’itlaq l’hemm.

Alfred Grech
28/12/2019.



Friday, 27 December 2019



Image result for on train rail

Meta Jiena u Int.

Hemm kanċell ma jinfetaħx
Hemm reċint li ma taqbżux
A meta l-ġrajja tiegħi tiltaqa’ ma dik tiegħek
U jsiru binarju wieħed
Nitilqu għal għonq it-triq
Ta’ xefaq li jitbiegħed
Inġorru l-valiġġi ta’ ħaddieħor
Bl-isfida għamja ta’ min iħobb il-ħajja
U ta’ min daq il-ħeffa tal-friefet itiru
Ta’ min is-saħħa għandu
Li jħares fiss fil-baħħ
U saħansitra jisfida l-uħux’għada
Mal-biża li jżomm lin-nies ankrati
Ma dak li jafu.
Meta jien u int niltaqgħu
Ikun ir-riħ li qed ivenven.

Alfred Grech.
27/12/2019

Thursday, 26 December 2019


Image result for dementia

Demenzja.

Ġismek mitluq ma tafx kif ser tinġabar
tħares lejja fis u mank tagħrafni;
kliemek sar diwi mtenni
ta’ dak li qiegħed ngħidlek,
ma nafx jekk intix hawn
inkella ximkien ieħor.
Tlaqt u lanqas taf x’ħallejt warajk
jew għadek hawn u lanqas taf  xinhuwa tiegħek.
Dinjietek fuq is-sħab ta’ dak li jista’ jkun
jew qatt ma tista tilħqu
Rabbejt ġwienaħ dehebija bħal tal-anġli
li lanqas l-aqwa għasfur tal-ħtif ma jxiddhom
u issa qiegħeda ddur fuq kull quċċata
tara tilmaħx lil dak li qiegħeda tfittex
il qċaċet bojod li jnessuk kull għelt u dnewwa.

Alfred Grech
26/11/2019

Wednesday, 25 December 2019





Image result for emvin cremona mother and child
Milied 2019.

U f’daqqa waħda kollox kien jinftiehem
intbaħt malajr li mara ssaffi t-tbajja tas-sabiħ
imnebbaħ mit-tħabbir tal-anġlu
u li kien mgħawweġ issa ddritta
u dak li kien mitluf jinsab l-bogħod
mid-deni. Hekk kif ix-xebba ssir omm
u tqaddes bit-tqala tagħha l-ikraħ li jindara
imdendel fuq il-perċa ta’ mħuħ magħluqa.
Jinkixfu l-misteri kollha
għax welldet ħajja ġdida
issenslet katina li tirfed sal-mewt u lil hinn
u twassal ghas-sollenita’ ta din il-ġrajja
rabta li ma tinħalx bin-nar tal-ħaqq aħħari
fl-awla tal-imħallfin.
Ja xebba li ma tilfitx xbubitha
omm fid-deffa ta’ dak li hu
int għaraft il molla tal ħajja
tal-iben li jrid jgħix fil-qawwa tal-ġejjieni
u dak li kien mjistur fih innifsu
jinkixef mingħajr biża
mingħajr star, mingħajr siparju.
Inti li ssaffi dak li ttabba
fin-niżġa tal-ħolqien.

Alfred Grech
25/12/2019


Tuesday, 24 December 2019


Image result for great siege monument

Pajjiżi. *

Jien ukoll inħossni li tlift is-sabar
U ma niflax għat-tkaxkir u tbenġil li qed tlaqqat
Pajjiżi!
U trid tkun  tassew skars u mingħajr demm
Biex tibqa’ biered quddiem it-travestiji
l-isfigurar u l-mmassakru
tax-xbiha tiegħek.

Jien ukoll inhossni wasalt fix-xifer
Iżda ma naqta’ jiesi qatt
U bil-kuraġġ kollu
Nipponta subajjja lejha
Dik il-brimba li kullħadd jaf min hi u fejn qiegħda
Iżda li ħadd ma jrid isemmi
U jixliha.
Għax kulħadd ġifa
Għax kulħadd ġwejjed
Għax kulħadd għandu x’jitlef
U kulħadd iqis qieshu.

Ma nistmerr qatt lil dal-pajjiż
Fejn jien twelidt, trabbejt u sawwart id-dinja tiegħi,
Din l-art li fit-tgeżwir tagħha
Għaġnitni u għamlitni
Dak li jien,
Iżda rrid nemmen u nittama
Li dawk li nasbu x-xibka għad jinqabdu
U dawk li haffru l-moħba
Biex fiha jistaħbew
Jinkixfu.

Imqar li dawk li issa jippużaw ta’ palladini
Ma jinħakmux ukoll
Mill-qarnita ta’ bla isem,
l-innominata,
u flok ibajjdu l-oqbra tal-intiena
jiskavaw sal-qiegħ
biex joħroġ kull skeletru.

Alfred Grech
24-12-2019.


*Lil John Portelli l-awtur tal-poeżija “Pajjiżi”

Monday, 23 December 2019


Image result for luminary women paintings

Luminarja.

Jekk  ma tifridx il-qoxra
Mill-qalba tal-lumija
Ma tista’ tifhem qatt
Kif toħroġ int bla ħtija.
Jekk tħares fiss fil-bogħod
U toqgħod hemm bħall-bqija
Turini dik il-ħaġa
Li tfiser wisq għalija.
Jien mimxi wara d-dell
Bl-għasluġ tal-kwintessenza
Xintilla minn tal-bidu
Mitliuf fl-effervexxenza.
Fir-rassa ta’ xufftejk
l-ugiħ u l-baħħ tal-bqija
tal-leħma tal-waqtiet
li jfissru wisq għalija
Jekk ma tħarisx fid-dlam
U tifhem dak li tara
Il-ħsieb malajr ifittex
Kif jeħles mis-sunnara..
Fil-baħar ta’ bla xefaq
Jien negħreq u nitmiegħek
Biex nislet dawk l-ilwien
Evanexxenti tiegħek.

Alfred Grech
23/12/2019

Saturday, 21 December 2019


Image result for unto us a born a child

Inħossni Qed Nitwieled.

Inħossni qed nitwieled
Inqum minn bejn l-imwiet,
Illum qed ngħix il-ħajja
U nishar qalb is-skiet.

Inħossni qed nitwieled
U nogħla ’l-fuq miċ-ċpar,
Bħal kewkba li bdiet tixgħel
U tiddi ’l-fuq mis-swar.

Illum iddiet xemx oħra
U dija ħawn bla qies
U nħossni qiegħed nogħla
’l-fuq mill-ħmieġ tan-nies.

Mhemmx lok għal aktar dwejjaq
Għal-biki u għall-ilfieq
Għal manipulazzjoni
Tal-midja tħambaq sfiq.

Hawn biss l-istat tal-grazzja
Ħelsien minn kull uġih,
Lin-nies ta’ rieda tajba
Xewqat mill-aktar sbieħ.

Alfred Grech.
21/12/2019