Pajjiżi. *
Jien ukoll inħossni li tlift is-sabar
U ma niflax għat-tkaxkir u tbenġil li qed tlaqqat
Pajjiżi!
U trid tkun tassew
skars u mingħajr demm
Biex tibqa’ biered quddiem it-travestiji
l-isfigurar u l-mmassakru
tax-xbiha tiegħek.
Jien ukoll inhossni wasalt fix-xifer
Iżda ma naqta’ jiesi qatt
U bil-kuraġġ kollu
Nipponta subajjja lejha
Dik il-brimba li kullħadd jaf min hi u fejn qiegħda
Iżda li ħadd ma jrid isemmi
U jixliha.
Għax kulħadd ġifa
Għax kulħadd ġwejjed
Għax kulħadd għandu x’jitlef
U kulħadd iqis qieshu.
Ma nistmerr qatt lil dal-pajjiż
Fejn jien twelidt, trabbejt u sawwart id-dinja tiegħi,
Din l-art li fit-tgeżwir tagħha
Għaġnitni u għamlitni
Dak li jien,
Iżda rrid nemmen u nittama
Li dawk li nasbu x-xibka għad jinqabdu
U dawk li haffru l-moħba
Biex fiha jistaħbew
Jinkixfu.
Imqar li dawk li issa jippużaw ta’ palladini
Ma jinħakmux ukoll
Mill-qarnita ta’ bla isem,
l-innominata,
u flok ibajjdu l-oqbra tal-intiena
jiskavaw sal-qiegħ
biex joħroġ kull skeletru.
Alfred Grech
24-12-2019.
*Lil John Portelli l-awtur tal-poeżija “Pajjiżi”
No comments:
Post a Comment