Fuq Ix-Xurbebb.*
Hawnhekk il-barka t’Alla,
Il-qawwa tal-ħolqien,
Il-fwieħa li tinfirex
U timla kullimkien.
U tista’ tibqa’ sejjer
Mal-blat ta’ kull kulur,
Max-xifer ta’ rdum għoli,
U tista’ tibqa’ ddur.
Hawnhekk spettaklu ieħor
Jinbidel ta’ kuljum,
Il-ħoss qalil tal-baħar
Fis-skiet bin-nifs miżmum.
Hawnhekk ir-ruħ tittajjar
Il-bogħod mill-ħafna ġenn
Ta’ nies ma tafx x’ser tagħmel,
Hawnhekk hawn ftit tal-kenn.
Hawnhekk sar kollu tiegħi,
Safejn trid twassal l-għajn,
Passaġġi ġol-għelieqi
Li jsallbu mal-oħrajn.
Hawnhekk ħadd mhu se jlumek
U tista’ tgħid li trid,
Xi serp minn
taħt xi blata
Jiskappa bħal għafrid.
Hawhekk il-beraħ jifrex,
Hawn kollox qed għal kwiet,
Hawn m’hawnx minn
jista’ jaħtaf
U jitfa’ biss fil-bwiet.
U lanqas min ipatti
Għalxen, jew għax kattiv,
Il-ħsejjes infernali,
Bl-istorbju awdjoviżiv.
Hawnhekk id-dinja tieqaf
Hawnhekk jirrenja s-sliem,
Hawnhekk m’hawnx min qed jirfes,
Hawn kalma kullimkien.
Hawn biss iż-żiffa tmelles,
Ir-riħa tal-busbies,
Il-paċi tan-natura,
Hawnhekk il-bogħod min-nies.
Hawnhekk jien nerġa’ niġi
Għax jiena ma rrid xejn
Ħlief noqgħod ftit bi kwieti,
Għax ngħaġġel m’hemmx għalfejn.
Alfed Grech.
25/07/2016
* Ix-Xurbebb huwa pajżaġġ sabiħ li jagħmel parti minn
Kercem, raħal twelidi.