Biżżejjed Kien Għalik.
Biżżejjed kien
għalik in-nida ta’ filgħodu
Tal-wegħda
mdennsa li xi darba kont għamiltli
Fl-intensita’ ta’
bejn tmellisa u oħra,
Fil-qawwa
tal-buffura,
Li taqta’ l-għatx
ta’ kull deżert u tnaddaf qiegħa.
Biżżejjed tkun
għalija
Id-daqqa t’għajn
misruqa,
Biex lili terġa’
ssalva minn kull ħtija
Minn kull tidwir
esaġerat li nieħu
Kull meta miegħi
stess intellaq it-tiġrija.
In-nifs
tal-istennija hu aktar qawwi
Mir-riħ li jonfoħ
mill-grigal
Mitluf fis-sotterran
ta’ kull dilemma
U skiet
il-kwiekeb jinfed
L-inħawi l-aktar
fondi
Ta’ qiegħ
il-baħar.
Imbagħad jekk
jibqa’
Ħallili ftit
mill-ġenna tiegħek,
Il-biċċa li ma
tkunx tinħtieġ il-kliem
Sabiex tfissirha.
Alfred Grech
No comments:
Post a Comment