Saturday, 15 April 2017




Lil Kristu Rxoxt.

Għax jien ma rridx narak
Taħt din l-impostazzjoni,
Imsallab u migħlub
Quddiem l-inkwiżizzjoni.

Għax jien ma rridx narak
Imlibbes il-kuruna,
Inkella tagħmel ħaqq,
Imħallef fuq tribuna.

Irrid narak ribell
Li jaqleb l-istrutturi,
Ta’ kull mhu aċċettat
Ta’ dak li jġib l-unuri.

Tisdfida dak li taf
U l-ordni stabbilita,
Biex taqleb ta’ taħt fuq
Kull setgħa u l’hemm biswita.

Irrid narak qalb dawk,
L-għrrief li mhux magħrufa,
Mhux dawk li jippużaw
U l-libsa tkun mislufa.

Irrid narak bħal dawk
Li lanqas għandhom vuċi,
Li l-meżżi tax-xandir
Qatt mhu se tintroduċi.

Irrid narak qalb dawk
Li jħobbu bħali jsaqsu
U ħsiebhom mhux misluf
Kell meta d-dubbji jfaqqsu.

Irrid narak qalb dawk
Li m’għandhom xejn x’jitilfu
Li lanqas ħażnu xejn
U lanqas xejn x’jisilfu.

Fuq kollox tkun ma dawk
Li ħadd ma jagħti kashom
Ma jġorru magħhom xejn
U m’għandhom xejn taħt rashom.

U tkun tassew sultana,
U hekk kulħadd jistaqsi
Fejn hija din is-saltna
U ħadd ma jkun jaf daqsi

Alfred Grech.
15/04/2017


No comments:

Post a Comment