It-Tama Tagħna Fik.
It-tama tagħna
fik għax aħna ġwejjda;
Nieqsin mis-saħħa,
wkoll neqsin mil-ħila,
Irridu nemmnu fik,
għax l-aqwa wieħed
Li faqqas dan
il-moħħ minn fuq it-tila.
Irridu nemmnu
wkoll lilhinn mill-ħajja
Li trid tispiċċa
hawn dil-freneżija,
Għax ma jistax
ikun fix-xejn jispiċċa
Dal ħafna strobju,
u tibqa’ l-mistoqsija.
Irridu nemmnu
wkoll li hemm ħajj’oħra
X’imkien fejn
isir ħaqq u ssir ġustizzja
Għax ma jistax
ikun quddiem għajnejna
Titkompla u
tittrrepeti dil-ħniżrija,
Ta min igawdi
biss u min ibati
Ta min jitwieled
prinċep jew jittallab
Ta’ min li jrid
qed jagħmel u ħaddieħor
Mal ewwel żball
li jagħmel hemm jissallab.
X’imkien dan
il-miżien jiddaqqas f’sikktu
U minn f’did-dinja
l-ħajja għex ħażina,
Irid x’imkien
ipatti għal-għermilu
Bl-invers għal
min dil-ħajja mhix ħanina.
Gfħax jekk għal-bniedem
tfisser inġustizzja
Bl-istess miżien
u kejl issir tpattija,
Inkella ma
nifhmux is-sens tal-ħajja
U għaliex f’did-dinja
hawn daqshekk tbatija.
Trid tkun tassew
krudil u qalbek iebsa
Li ttina l-għerf
u l-għodda tar-raġuni,
Imbagħad titlaqna
hawnhekk bħal gladjaturi
Qalb bosta klieb
feroċi u qalb l-iljuni.
U fl-aħħar kollox
jidher illużżjoni,
Ma ġibna xejn, ma
ħadna xejn xħin spiċċa
Dat-tejatrin
assurd mingħajr il-prova,
U bqajna ma
ntbaħniex xhini dil-biċċa.
Trid tkun tassew
krudil u qalbek xierfa,
Biex tfjatna
hawnhekk fid-dlam bla spjegazzjoni
B’dal-moħħ li
jird xi darba jaf u jifhem
Għax bit-tbatija
t-triq tas-salvazzjoni.
Biex fl-aħħarnett
insibu l-preċipizzju,
Jekk għad naħarbu
l-morsa tal-arena,
Nistaqsu x’ġejna
nagħmlu hawn f’did-dinja
Jekk dan l-uġih
jiswiex il-ftit tal-hena.
Alfred Grech
19/04/2017
No comments:
Post a Comment