F’Dal-kaldarun Ta’ Soppa
Tbaqbaq
F’dal kaldarun ta’ soppa tbaqbaq
Li aħna l-plebej qed nagħalu ġewwa fiha, għidulna intom
l-alkemisti
Tas-sewwa li tafu tbiddlu l-ilwien tal-qawsalla,
x’inhuma l-għażliet tagħna
aħna li magħkom ngħammru ġo dir-roqgħa art imtarrfa
fil-perifiji tal-fruntieri lluminati
ta’ kontinent li belgħa l-vixxri tiegħu
qalb dir-rettorika qadima ta’ tqasqis, tkeskis u tal-velenu.
Għax aħna sirna tfal mill-ġdid, orfni mingħajr għażla.
Xħin titla’ x-xemx mill-ġdid ta’ kull filgħġodu
Fuq liema minaret ser tiddi l-kewkba,
inkella fuq il-kampnar ta’ liema knisja jisseqqru
it-tajr tal-ħtif estint ta’ dan nisel
li xi darba jgħammru kienu
fuq ix-xfar tal-ogħla ġebel.
Liema sentinella sejjra tidwi
Inkella tirrispondi l-ħbit barrani
Ta’ min bil-ftit il-ftit, taħt skuza nkella t’oħra
Qed jisirqilna dak li hu tagħna,
Jinsobna biex jindiehes u demmu jħallat
Mal-għerq tan-nisel tagħna.
Għidulna intom, l-għorrief u l-viżjonarji
Jekk għadx jibqa xi wild ta’ dawn il-gżejjer
Li jagħraf lilu nnifsu jew lilkom,
Intom li triduna
nemmnu fikom,
Fil madmad u
fil-jasar tal-kuxxjenza.
Alfred Grech
27/04/2017
No comments:
Post a Comment