Sunday, 30 December 2018





Image may contain: one or more people, people standing, sky, cloud, twilight and outdoor

What DoYou Feel_

What do you feel when you meet me?
I feel th shivers up my spine and my hands start to tremble
because I know that I have trodden
where no one esle has yet.
I want to speak to you
but my lips cannot utter what I want to say.
And when I stammer you aready undestood.

What do you feel when I look into your eyes.
I find myself looking into the depth of an ocean
and see what no one else could see
and know immediately
that your silence want to speak to me
the unspeakable.

Alfred Grech
30/12/2018





Parousia

Jien nerġa’ niġi lura għal darb’oħra
indoqq ir-ritirata , u bħal bebbuxu
li jidħol ġo qoxortu u fih innifshu
sabiex fis-skiet tal-kamp nissemma noqgħod
għall-ħsejjes tal-ħlewwiet u tal-isfidi
u ruħi ma nagħtix b’mirbuħ nintelaq iżda
maż-żiffa li ftit ftit fit-tarf tressaqni
f’idejja n-nar divin li sraqt mill-għolja
tal-allat u b’dik il-leħħa ta’ berqa
f’idejja nkompli nikxef is-sigrieti
u l-ħiliet li bħaż-żubruni jitilgħu
minn qiegħ l-abbiss bħaż-żejt li jgħum f’wiċċ l-ilma.
U jiena nkun dak l-anġlu li nażżarda
ngħid li ma nobdix, lanqas mhu se nservi.
U hekk insir mhux jien iżda x-xintilla
mill infinit li ma jobdix il-mixi
lejn tmiem tal univers fi tranżizzjoni.
Hekk insir naf tassew min jiena, jiena
u għall-liema mistoqsija rrid inwieġeb,
u hemm fis-skiet tar-ruħ naf nirrispondi
għall-leħen li jikkmanda.

Alfred Grech
30/12/2018

Saturday, 29 December 2018




Matutin.

Il-matutin tiegħi ikun innu għalik
Ja sibilla ta’ bla wiċċ u ta’ bla sura
Li tiġi kull filgħodu biex tnessini
Il-ħolm qalil tal-bieraħ.

Il-matutin tiegħi ikun għalik
Sieħba eterna li tħobb miegħi togħdos  fl-infinit
Imqar jekk jien ma ngħidlek xejn
U xejn ma nippretendi
Mingħandek.

L-għanja tiegħi ta’ filgħodu
Hi bħal kori tal-għasafar
Li tibqa tidwi bħalma jidwu l-innijiet
Ta’ bla kliem u melodija li kull darba
Terġa tqajjem mill-imwiet
ewrieħ l-eroj antiki
u jien nħossok hawn maġenbi
tishar f’dawk il-jiem tas-swied il-qalb
u l-biki.

Alfred Grech
29/12/2018

Thursday, 27 December 2018



Image result for the wandering man
Kemm Inħobb Indur Fil-Vojt.

Kemm inħobb indur u nimxi fil-baħħ
għaliex b’hekk lanqas naf fejn jiena sejjer
għaliex b’hekk lil  kull min nara
u ma kull min niltaqa’ jidher ġdid u frisk
u jħalli togħma ġdida.

Kemm inħobb indur fil-vojt
l-aktar xħin kulħadd ikun qed jgħidli
li għalxejn jien qed indur
li għalxejn jien qed nissielet
li għalxejn neħodha magħhom
li għalxejn it-tentazzjoni li nistaqsi
għax x’tiskopri ma hemm xejn
lanqas hemm x’titsa’ żżid iżjed
m’hemm xejn li tista’ tagħmel
u li mhu se nasal qatt.
Għaliex hemm l-iljunfanti, hemm  l-iġganti
l-ippoppotami ta’ stonku kbir
u l-kukkudrilli li jibilgħu.

Kemm inħobb indur mingħajr ma naf fejn sejjer
għax kollox jidher ġdid
imqar jekk qatt ma nasal
imqar jekk qatt ma nsib
dak li lilu tlaqt infittex.
Inkun dort dawra mad-dinja
u fejn kont insib li bqajt
fejn baqgħu l-oħrajn kollha,
iżda ntant inkun tgħallimt
kemm tassew hi kbira d-dinja
u togħoġobni l-passiġġata.

Alfred Grech
27/12/2018

Wednesday, 26 December 2018



Taqax Fl-Iżball

Taqax fl-iżball li taħseb
Li dawk qiegħdin iħossu li tħoss inti,
xħin tperreċ il-ġmiel tiegħek fuq il-perċa diġitali
U taħseb li kulħadd għalik jixxennaq.
Imbagħad xi darb’ ejja u oqgħod għedli
Lil min it-tnejn li aħna bla ma nafu
Sfidajna,
U jekk xi ħaġa tibqa’,
 għidli biss jekk  jiena kont ir-riħ għalik
Minn liema naħħa kont qed njonfoħ
biex inqanqal il-kalma tiegħek apparenti.

Inti li tislet ix-xintilli minn qalb il-beraq
Bħal xabla li taqta’ b’ żewġt ixfar
Kull meta l-ħarsa tiegħek toqrob lejn is=sema
Fis-skiet ta’ kull filgħodu ta’ bla rqad,
Tifhem li l-paċi m’għandhiex leħen
U l-armonina ma tmissiex
Iżda tigref ir-ruħ fis-sakra u tmlieha b’wiegħdet ifewwġu
Bħal min iħobb u lanqas jaf li hu maħbub.


Alfred Grech
26/12/2018



Tuesday, 25 December 2018




Intom Sbieħ.

Intom sbieħ ilkoll kemm intom
kwiekeb jiddu fil-ħolqien
fil-liwjiet u t-tondjaturi
dinja ssebħu kullimkien.

Intom anġli minn tas-sema
tgħannu l-ogħla innijiet
hekk ħalqitkom in-natura
u aħna nemmsu hawn fis-skiet.

Intom stilel tal-eklissi
mimlijien mistoqsijiet
jew misteri minn kull naħħa
li naħsbuhom stediniet.

Intom sbieħ ilkoll kemm intom
tkissru d-dwejjaq ta’ kulljum
magħkom naqsam xi xintilla
tagħmel berqa bla ma ddum.

Izda hej tgħidlix biex magħkom
għa żmien twil sabiex nistkenn
naqsam ħini jew ħidmieti
għax jaqbadni ferħ ta ġenn.

Intom sbieħ u mhemmx x’tgħid aktar
u mingħajrkom ma ngħixux
iżda mbagħad il ħajja magħkom
Daqs kalvarju u ma temmux.

Monday, 24 December 2018




Imqarr Jekk Trid.

Imqar jekk trid ittir mingħajr il-ġwienaħ
Maħdumin mir-rix u x-xema’
Xorta waħda ssib li għad trid tinfed
l-infinit
ittir sa tarf id-dinja u tiġi lura
u tifhem li ma sibt xejn ġdid.

Imqar jekk tiġi lura fl-eleganza
Xintilla ntuwittiva tal-ħolqien
Issib it-trasgressjoni li kapaċi tħoll il-ġebel
U minni tagħmel l-aqwa lsir.

Imbagħad jekk għad xi darba tħoss xi ħaġa
Ikun nar li jiena sraqt
U ġibtu hawn fid-dinja biex minnu ngawdu
Inti u jien.
Imbagħad għad taħlef li xi darba
Rajntni miexi fuq ix-xfar.
U ma jimporta xejn kemm ilek tafni,
Jimporta biss sal-lum x’sirt taf.

Alfred Grech
24/12/2018


Sunday, 23 December 2018




Jien Neħodha.

Jien neħodha kontra tagħkom
li taħsbuha li m’hawnx bħalkom
u li tiġi tbiddlu d-dinja
u taqilbuha ta’ taħt fuq.

Jien neħodha kontra tagħkom
li tgħiduli li jien ċlejken
u li kontra l-prepotenti
jien ma nista’ nagħmel xejn.

Jien neħodha kontra tagħkom
kontra d-dinja u kullħadd
għax tassew ninsab imdawwar
mill-beżżiegħa u mill boloħ
imħuħ dojoq u nies qosra.

Alfred Grech
24.12.2017

Saturday, 22 December 2018




Gaġġa.

Din hi l-gaġġa li sawwarna
Din hi s-sodda tas-serħan,
Ivvintaw mill-ġdid ir-rota
Iżda kollox kien duħħan.

Din l-imbierka t’inflazzjoni
illi magħha ma tlaħħaqx
hija l-mostru tas-suq ħieles
pjaga din, ma tingħalaqx.

Din l-imbierka t’inflazjoni
bdew jogħlew il-prezzijiet,
għalxejn bassru l-bosta esperti
qatt ma sservi, l-paga bdiet.

Bil-ftaħir li dejjem tikber
dana kollu bżar fl-għajnejn,
Dan il ġid u dan il-ħela
staqsi ftit, u dan minn fejn?

Nafu żgur li qiegħdin ngħixu
bil-jiem tagħna magħdudin
kolp ta’ baħar, suq jikkraxxja
jaqa’ kollox, x’waħda din!.

Issa qalu m’hawnx biżżejjed
lil min jistgħu jimpjegaw
u biex tkompli ddur ir-rota
barranin qed jinvitaw.

Iżda din l-ekonomija
li trid tikber, iffissaw,
u tintefaħ bħal bużżieqa
għad tinfaqa’ ’ssa taraw!

U ngħid jien f’dal-pajjiż ċkejken
daqs qaqoċċa iffullat
x’għaqal hu li lill barrani
tagħti sehem xħin kollox fgat?
Alfred Grech
22.12.2018


Friday, 21 December 2018




145.

Ikun fiż-żminijiet li konna nħossu
Kullħadd u d-dinja kollha kontra tagħna
U bqajna m’għamilniex il-pass li kellna
Nagħmlu, jew tlifna t-triq li kellna nimxu.
U bqajna ma ntbaħniex x’hemm wara l-kwinti
Inkella x’jista hemm lil hinn mix-xefaq.
Intom li ridtu tidħlu ġo dil-gaġġa
Għax ridtu serħ il-moħħ malajr intbaħtu
Li b’hekk titbegħedu kontu minn dix-xtajta
Minn fejn qed nimbarkaw l-esploraturi
Ta’ kull xefaq jew quċċata fejn għadu
Ħadd ma rifes. Għax ridtu tgħixu,
Ixxamplati, patrizi dekadenti
Fin-nausea tagħkom stess u fl-affluwenza.

Alfred Grech
21/12/2018

Thursday, 20 December 2018





Dan Tagħna.

Dan tagħna se jibqa’ thewdin ir-ruħ
ta’ ħmar il-lejl li qatt ma stenbaħ
għax ngħidu li se nagħmlu u qatt ma nagħmlu
dak li ngħidu, nixxenqu biex niltaqgħu
taħt is-sigra, taħt il lampa f’tarf it-triq
iżda qatt ma naqbżu ċ-ċint
tal-bitħa tagħna nkella l-ħadid tal-ġnien
ta’ quddiem id-dar li jżommna bħal ħabsin
imgħarrqa fit-thewdin ta’ ruħ mixgħufa
u fl-għamad tal-konfini tal-abbissi li fassalna
aħna stess fit-taqlibiet u l-baħħ jirbombja ta’ moħħna
u nibqgħu ngħidu l’hemm futur qed jistenniena.

Dan tagħna huma biss xewqat moħbija
u magħsura li ngħiduhom lilna nfusna
fil-biża l-hemm xi ħadd li qed jismagħna
għaliex dawn mhumiex xewqat li ttennihom
fid-dawl tax-xemx jew taħt qamar li qed jibki
għalkemm nafu jappartjenu lill kull wieħed
u kull waħda.

Issa xħin nixjieħu nkella nixbgħu
ntennu l-litaniji inti tħobbni
jien inħobbok u mingħajrek ma ngħaddix
nitgħallmu mantri ġodda bl-istess ritmi
u bl-istess rima iżda jidhru aktar friski
għax mhumiex il-ħlejjaq tagħna
iżda huma l-aħħar maskri tal-uċuħ
ta’ nies il qedem imlibbsin is-sorpiżi
u l-istupur tan-nies moderni.

Alfred Grech
20/12/2018

Wednesday, 19 December 2018




Aħna Niktbu l-Istorja.

Aħna niktbu l-istorja
Kull meta ninkinaw
Quddiem l-allat t’olimpu
Bla ma nikkundnnaw,

Il-ħniżrijiet li jagħmlu
Bl-iskuża tal-progress
X’ħin jagħmlu mandra sħiħa
Mhu xejn dan ħlief rigress.

U ħadd m jrid ftit jaħseb
U moħħom ma jużawħx
Li ta’ kull pied li jibnu
Għax l-għada ma jarawħx.

Għall dejjem qed iħarrbtu
Għal għada u għall li ġej
Għall kull ġenerazzjoni
Taħsibħa mhemmx għalfej.

Imqar għad fi gżiritna
Insiru barranin
Bl-influs tal-ħafna razez
Ġejjin, dejjem ġejjin.

Insiru miljunarji
Ftit ftit inbiegħu l-art
X’ser jibqa’ minn pajjiżna
Għajr flus inkella skart?

Alfred Grechj
19/12/2018


Monday, 17 December 2018




F’Jum Sant Ivo.

Jien dak li nerġa’ niġi nfittex
dir-roqgħa art fis-skiet u l-ħemda
fejn jikber il-ħaxix u x-xemx għad tasal
il-bogħod mit-tinġiż tal-arja
fejn ma nismax il ħsejjes  tar-rombli jqarrmċu tal-magni.
Għiduli fejn hu dan l-imkien?
Jien inkun l-aħħar wieħed li nitbekka
il-ħerba ta Ġerusalemm
f’din l-art ħanina li tnixxi l-ħalib u l-għasel
li tfarrket mill-barbari maltin
sabiex minn dan il-bini kollu li jinbena
m’għadx jibqa imqar ġebla fuq oħra.
Imbagħad ma jiswa’ xejn
li bħal groqqa għad trid tiġi
u terġa’ tiġbor il-flieles tagħħa.
Imbagħad għad niġi hawn
xħin ninżel minn ġos-sħab
u nimraħ f’dad-deżert uman
ta’ bla qalb u ta’ bla ruħ
il-ħabs li ħolqu l-istess maltin minn jeddhom,
ma’ dawk li s-sewwa jaħarbuħ
u jgħixu ġol-bużżieqa tas-sapun
tal-ekonomija dejjem tikber
għajjiena le xebgħana
mitluqina għalina nfusna
għax ma baqax fejn għad nimirħu
għajr l-oqsam artifiċjali
tal-iskrin u tat-tastiera.

Alfred Grech
17/12/2018

Friday, 14 December 2018


 Related image
Lethe.

Biex dħalna f’din nixxiegħa
mal-bżieżaq qed itiru,
jew raxx ta’ mewġ il-baħar
jinfaqgħu malli jsiru.

Biex dħalna f’fin ix-xmara,
u mxejna mal-kurrent,
nixobu l-istess l-ilma.
jew  nirtu s-sentimenti.

U kbirna u ssaħħaħna,
u sirna rġiel u nisa
ftit, ftit, immaturajna
u ġrejna wkoll fil-wisa.’

U sirna bla ma nafu,
dak kollu li llum aħna,
fuq bastiment vaganti
li rkibna bla ma ntbaħna.

Alfred Grech
15/12/2018.




144.

Nimxuha din it-triq mingħajr ma nħarsu
Lejn kull naħħa u bl-għamad fuq għajnejna
Għaliex kull fejn se tħares hemm medusa
Bil-vleġġa tagħha ssamrek u ssir ġebel.
Minn dan il-wied tad-dmugħ irridu ngħaddu
Mingħajr werrej li juri fejn trid tasal,
Għaliex sal-lum kull min it-trieq uriena
Għallatna, jew daħħalna ġewwa żenqa.
Irridu nitilgħuha din it-telgħa;
Telgħin mingħajr sejħiet traxxendentali
Mingżajr l-ispirazzjoni ta’ xi anġlu
Inkella qaddisin jipproteġuna.
Għax bqajna ma nafux sal-lum fejn huma
Il-mogħodijiet li jwasslu għat-tnissija.

Wednesday, 12 December 2018


Image result for victoria Gozo Christmas

Avvent.

Illum terraqt it-toroq dojoq tiegħek
ja belt mimlija tifkiriet taċ-ċokon tiegħi,
tal-innoċenza li taf biss -sewwa ħieni
fil-miġja tal-milied u fid-dlam tax-xitwa.

Illum imxejt fit-toroq dojoq tal-mandraġġi
fejn hemm ihufu l-anġli tal-imgħoddi,
 il qalb ittrapjantata fl-iskeletri
qawmien mill-ġdid, avvent is-sena kollha.
is-seħer li jien rajt f’għajnejn ħaddieħor.
Izda xejn mhu jiġri
stupefatt mid-dawl ipetpet
tal-kwiekeb imdendla mat-twieqi
u tat-toroq battala mill-imħabba
lejn xulxin taħt il-mantell
tal-iħirsa tal-imgħoddi.
L-ebda leħen ma jwassal is-seħer
inkella jwieġeb għas-sejħa ġewwinija
għajr dak li jqanqal it-tifkira tal-imgħoddi
jew l-ħsejjes ta’l-ispots pubbliċitarji
ifixklu l-għanjiet tal-Milied.

Hawnhekk it-toroq fit-tellieqa ma xulxin
bħan nisa f’xi konkors ta’ sbuħija
min minnhom jiddandan l-aktar
min minnhom jiġi l-ewwel.

Alfred Grech
12/12/2018