Saturday, 1 December 2018


Image result for simulation

Jien Tassew Jew Sirt Ħaddieħor?

Jien tassew, jew sirt ħaddieħor,
hemm xi ħadd qed jikkuppjani,
hemm ħaddieħor fl-għamla tiegħi
jien nitkellem, bla tarani.

Hemm xi ħadd li qed jippoża
li hu jien, bil-lingwa tiegħi
qed itenni litanija
daqs li kieku kien jgħix miegħi.

Jien tassew jew jien min jiena?
hemm xi ħadd li qed jixxala
bl-istess forma diġitali,
tgħid l’għaliex, nistaqsi l-għala?

Biex ixandar u jinqeda
b’din il maskra trijonfali?
Kien tassew, jew kien xi gidba
Iżda qatt mhu se jkun bħali.

Jien tassew jew jien xort-oħra
m’għaraftnix u trid taħtafni,
simulakru, sirt ħaddieħor,
Ma nbdilt xejn għax mank tarafni.

Alfred Grech
01/12/2018

No comments:

Post a Comment