Tuesday, 11 December 2018




Fis-Saltna tas-Sireni.

Hemmhekk fejn is-serafini
Jgħajjtu u jwieġbu lil xulxin:
Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej ta' l-eżerċti.
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu."
U bl-għajjat tagħhom is-sisien ta' l-għetiebi
Theżżu, u t-tempju ntela’ bid-duħħan.
Hemmekk fejn idoqqu t-trumbetti tal-progress
Il-kerubin bix-xabla tan-nirien
Biex ma jħallux lil min jidħol
Fil-ġnien tal-Għeden.
Hemmekk fejn mhemmx post għal min hu bħalna.
Hemmhekk sieħbi tibda l-mixja
Twila li twassal għal imkien
Li twassal għall-eklissi
Ta’ xemx li għadda żmienha.
Hemmhekk fejn tara l-qtajja tal-anġli u tal-arkanġli
Tal-ġilda sewda u xagħarhom isfar.
Jien għad inkun miflok Orfew
Iben alla żgħir mingħajr il-lira
Bit-tweġibiet glorjużi ta’ ħsejjes melodjużi.
F’din l-art ħelwa l-omm li tagħtna isimha
Bla tebgħa u bla dnubiet
Żverġnata għalxejn u għal kemm il-darba
Fis-saltna tal-iżvilupp u tas-sireni.

Alfrerd Grech
11/12/2018

No comments:

Post a Comment