Bid-Daqq Tat-Trombi Fuq Ħuġbejk
Bid-daqq
tat-trombi fuq ħuġbejk
kull meta
għajnejk tpetpithom
u tgħid
għaliex poeta sirt
biex ruħek
tberraħ għad dawl tax-xemx.
Imqar jekk
fi kliemek hemm l-għafja tal-mewt
hekk
tħossok aktar ħieles qalb l-għelieqi
tat-tamiet
imġarrfa.
ma jiswa’
xejn x’jaħseb ħaddieħor
iċ-ċapċip
tal-kotra u t-tmaqdir tal-ftit,
għaliex int
tieħu nifs bil-poeżija
għajnejk
jinfetħu ktieb u widnejk ġakulatorji.
Fittixt
il-vokazzjoni li twelled lilek innifsek
mill-ġdid u
tiżvina quddiem in-nies ta’ din id-dinja
biex tibda
mill-ġdid tara fir-raxx tal baħar
il-qawsalli
u l-ilwien tal-poeta jiżfen
fuq
ir-rgħawa ta’mewġ il-baħar.
Profeta
għami li miet bla ħalla kitba
biex bħal
kwiekeb fit-tarf tax-xefaq
tingħasar
ruħek xħin tieħu s-sura.
Alfred
Grech
17/10/2019
No comments:
Post a Comment