Gladjaturi f’Nofs l-Arena
Gladjaturi f’nofs l-arena
ġellieda tal-waqtiet u ċ-ċirkustnzi
li jqegħduna fi kawdru mistħajjel.
Qiegħdin ngħixu ġo din l-art
l-art tal barrani
lanqas biss għadna ningħarfu
u triduna ngħannullkom
l-għanja tal-mulej?
F’daqqa waħda sibna ruħna
ġol-qalba ta’ jum ieħor
mimlija hwejjeġ mhux magħrufa
fir-rambaġġ tal-vetturi fid-duħħan
li jimla’ l-pulmuni, tal-bini dejjem tiela’
fejn ħadd m’għadu jimpurtaħ
jew kullħadd iħoss li għandu
iżda kollox jibqa’ għaddej.
Il-konkrit u l-ġebel tiela’
ir-rieħa tat-telqa’ u tal-mejtin
ġejja minn snin ’l-bogħod
u toqrob lejn dinja li titfarrak u ssir għabra
Ikolli niftaħ idejja u nħares ’l-fuq
u ngħajjat: Min inti, inti
li ġejt teqred din l-art verġni?
Alfred Grech
02/10/2019.
No comments:
Post a Comment