Wednesday, 24 May 2017



F’Dan id-Dagħbien Igerwel.

F’dan id-dagħbien igerwel ta’ wiċċ b’ieħor
Tixrid ta’ dmugħ tal-kukkudrilli u krib isteriku ta’ żmien il-melodrama
Sabiex kulħadd jinġarr f’dak it-tidwir tal-uragan frenetiku,
Ta’ għatx klubi u inuman għas-setgħa li mhija xejn
Għajr il-mod ġdid kif twelled il-mostri u l-marjunetti,
Int ja poeżija! Inti fejn hu postok?
X’jagħmel il-poeta mans u ġwejjed
Li jibda jħares lejħ innifsu bħal fil-mera
U jara x-xejn,
U jara l-blugħa ta’ fidi falza
Ta pseudoġurnaliżmu tal-klieb tal-but
Jisker fil-ħelsien tal-espressjoni li huwa assurd,
Abbużat, esaġerat u fuq kollox, manipulat?
Jien naqbad triq bejn xagħri u raba’, bejn sema u art
Li twassal sax-xtut imtarrfa
Inkella sax-xifer tal-irdum fejn dejjem sibtni
Biex noqgħod nilgħab logħob ta’ sogru
Bejn taqa’ u ma taqax
Inħożż kull ħsieb li jiġi fl-arja
Jew nonfoħ bżieżaq tas-sapun
Biex nemmen, li din ukoll hi poeżija.

Alfred Grech

24/05/2017

No comments:

Post a Comment