Monday, 1 May 2017



Se Ndumu Nisimgħu?

Se ndumu nisimgħu
l-istejjer tal-ġenn,
li d-dinja se tieqaf,
kulħadd għall-infern?

Se ndumu nisimgħu
dal-ħafna qlajjiet,
ta’ min m’għandux x’jagħmel?
U din min fejun ġiet?

Se ndumu nisimgħu
nofs gideb, qlajjiet,
xi biċċa mis-sewwa,
u l-għeġubijiet?

Ta’ din is-sibilla
li tikxef l-għawar
u troxx fuq għajnejna
u timlihom bil-bżar?

U tbella’ lill-bċieċen
bil-faħam miblul
u tislet mibgheda
fost poplu mifxul?

Lil dawk is-seksieka
li jħobbu jinsew
it-travu f’għajnejhom
u b’dak li tgħabbew.

lil dawk is-seksieka
li jħobbu jaraw
il-ħsara f’ħaddieħor
jew biex jispjunaw.

Se ndumu nisimgħu
kif tkun kundannat
mis-saħta tal-folla
u dik tal-allat?

Se ndumu nisimgħu
dan-nofs verita’
u dal-ħafna qlajja
mingħajr karita’?

Se ndumu ‘l-dal-poplu
-għax hekk dejjem kien-
nasbuh li hu iblaħ
u bih jgħaddu ż-żmien?

Jew jieqaf u jaħseb,
għal-darba, darbtejn,
dal-ġlied u dil-firda,
dan kollu għalfejn?

U dal ħafna gwerer
dal-ħafna konflitt
min sejjer igawdi
sa fl-aħħar bi dritt?

Għalfejn hawn min jikxef
bil-lejl u bin-nhar,
misteri u sigrieti,
li kien u li sar?

Żgur mhux biex il-poplu
aħjar milli kien
isib ruħu isħaħ
U jgawwdi fiż-żmien.

Alfred Grech
01/05/2015.



No comments:

Post a Comment