Issa Li Ġejt Tmellisli.
Issa li ġejt tmellisli bir-rix tal-ġwienaħ tiegħek
sirt naf li tiegħek mhix il-ħtija xħin ħassejt li qed titbighed minni,
bħal diwi mtenni li jintilef fil-widien inkella qalb l-għoljiet,
Muntanji glaċjali ta’ żmien fejn kollox qed jinħall u xejn ma jibqa’ kif
kien qabel.
Tgħid kienu r-ragħad imxajtan jew sajjetti
tal-ħsejjes epokali, Parousia li tiġi kull tant mien
biex aħna ngħoddsu lkoll ġo dil-għadira tal-ilma mbierek?
Tgħid jiġri dan kull meta jirxuxtaw minn ġo qabarhom, l-iħirsa
tal-konswetudni mansa ta’ dal-ġens imxewwex
b’widnejħ ibbumbardjati bħal leit
motif ta’ żmien il-kaċċa
jew bi xniegħat u qlajjiet ta’ skandli, ta’ tixħim, tbagħbis u gideb
u kull abbuiż li tista’ taħseb?
U ma kienx lanqas ħtija tiegħi li ma smajtekx
ja leħen imriegħex u mwerwer xħin tisma’ dad-dagħa kollu,
dal-ħafna ġdiem tal-ħsejjes li
jifqgħu t-tnabar tal-widnejn
u l-ħafna għajdut li jaħsad għax jgħidu li wasal
l-aħħar tal-aħħar.
U lanqas naħseb kienet ħtija tiegħek
għax kif stajt inti qatt tasal biex tinfed
il-barriera tal-ħsejjes u tinġiż vebali ieħor.
Inti ruħ trasfiguranti bħal velu li jagħtti u ma jgħattix
bħal żlieġa li tiġi u tmur u ma tiflaħx
għal ħafna skossi
ta’ min irid iqanqal ħafna rabbja.
Urini biss li għadek hemm u trid terġa’ tiġi
bħal dik it-tajra li ma nsietx min kien rabbiha.
Alfred Grech
07/05/2017
No comments:
Post a Comment