Monday, 30 April 2018




Superklassi.

Dawk li jibnu u dawk li jħottu,
Dawk li jibnu u ma jħottux,
Dawk li jferrxu  l-ġid bid-deni
U l-ġid tagħhom ma jaqsmuħx.

Dawk li tħalltu mas-setgħana
Ma l-oħrajn ma jitħalltux,
Is-setgħana mas-setgħana
Jew mod ieħor ma jfendux.

Ma xulxin ar’hom jiltaqgħu
Jippranzaw jew jiċċenaw
Biex tingħata l-impressjoni,
Dejjem dawn jiċċelebraw.

Din hi d-dinja tal-lussuria
Dinja din taż festi kbar
Għal min għandu l-ħela x’jonfoq
Jew jittarraf fuq ix-xfar.

Li jinvestu biex il-gwerer
Dawk iħalli ħafna qliegħ
Ma jieqfux dejjiema jibqgħu
U huma dejjem fuq ir-riħ.

Jew biex jagħmlu ta’ bir-ruħhom
Illi dejjem ferħanin
Għalkemm jafu l’huma ostaġġi
Fil-ġid tagħhom, mitlufin.

Biex itejjbu l-qagħda tagħhom
Jew jilgħabu bil-poter
Biex tal-pupi jiġbdu spaga
Dawk li jemmen fid-dover.

Dan twemmin is-superklassi
Jikkompetu ma xulxin
Jirbaħ fl-aħħar l-aqwa minnhom
Bla ma jafu fejn qiegħdin.

Alfred Grech
30/04/2018


Sunday, 29 April 2018




Baħrija.

Ma nafx jekk għandix nifraħ
inkella nkun imdejjaq
Baħrija nvażata ta’ bla seħer
ta’ destin għarib u ġejjieni mċajjpar,
ġejt hawn, qed tiffittani
tisfidani u ttellifni s-sliem u s-skiet
tal-ermitaġġi tiegħi.
Jekk għad ittawwal ftit idejk
issib li trid tilħaqni.
Jekk tibqa’ hemm fejn int
jien nibqa’ nikkuntempla t-triq
li minnha rridu ngħaddu,
Inkella nagħmel qabża u ndur mal-kantuniera
tal-univers invers.

Baħrija ta’ dell iswed
jisgħobija li rġajna ltqajna
fi triq li mhix tas-soltu.
Aktarx li kien miktub li kellek taqsam il-mogħdija
mnejn kelli ngħaddi.
Ta’ din l-isfida, tpattija qares.

Alfred Grech
29/04/2018.

Saturday, 28 April 2018





Jien Nista’ Ngħix Il-Ġrajja.

Jien nista’ ngħix il-ġrajja
Ta’ min jeħodha dejjem ma ħaddieħor,
Inkella li jistenna li jingħata
Dak li jixtieq, mhux dak li jmissu.
Jien miegħek ridt inżomm fuq il-mewġa ta’ kull passjoni
Misjuqa minn kurrenti staġjonali.
Mingħajr ma nafu fejn sejrin jew għal xhiex ġejna
F’dal-baħar ta’ bla xefaq jew konfini.
Jien naf li lili tiġi tfittex
Xħin l-aktar tkun tixtieqni
Għax taħseb li dil-ħajja tfisser l’għada
Minflok il-ħajja hi llum stess
U jista’ jkun li l-ħabel li jorbotna
Jitħabbel sew  ’mma mhux sejjer jinqata’.
Iż-żmien ibiddel biss il-ġilda
Għax ġewwa jibqa’ dak li kien
U taf li dak li ssib mhu xejn
Għajr dak li qiegħda tfittex.
Imbagħad nintebaħ aktar ma nsir nafhek
Li kull ma jmur jinħtieġ li nafek inqas.

Alfred Grech
28/04/2018

Thursday, 26 April 2018




Li Kieku.

Li kieku qiegħda hawnhekk fuq din is-sodda,
Teħodli l-wisa’ kollu u ma tħallili l-ebda spazju
Tiblagħli nifsi tqil u nħossni nifga’
Għal-għomri kollu,
Marsus u ssikkat bħal minn ġo ħaġġa
Il-beraħ f’daqqa waħda sar lembut
Jingħalaq ħelu, ħelu
Biex noqgħod ngħodd ix-xorok u l-arkati
Tas-saqaf tagħna.

Li kieku tibqa’ hawnhekk fuq din is-sodda
Is-sema kollu kwiekeb qed ipetpu
Jingħalaq ġewwa l-kaxxa tal-ġojjelli,
Inkella fil-basket tiegħek.

Għalhekk, għal lejla waħda biss, ejj’ nagħmlu ta’ bis-ruħna
Li ngħixu ferħanin għall-dejjem minn ta’ dejjem.

Alfred Grech
26/04/2018

Wednesday, 25 April 2018



LXXXI.
Bħal meta tagħmel ħalba xita f’Mejju,
Hekk hu dad-dmugħ li fih jegħrqu għajnejja;
U bħalma ż-żmien ifejjaq jagħmel ħlejju
Irrid dal-wied innixxef minn ħaddejja.
Ikun iż-żmien li jfejjaq il-feriti
Għalkemm iċ-ċikatriċi tibqa’ tidher,
Uġigħ ir-ruh inissel stalagtiti
Inkella swied il-qalb jitqob s-sider.
Il-qtar tad-dmugħ hu biss tal-bidu s-sogħba,
Biex jiena ntbaħt li beda jisgħobbija
Mit-toqol tat-telfien tinlgħab il-logħba,
Ma' dak li jien ma ntbaħtx qed jidħak bija.
Id-dmugħ li jien xerridt ħasilli ħsiebi,
Biex naqbad nerġa’ t-triq flimkien ma' ħbiebi.
Alfred Grech
24-04-2013

Tuesday, 24 April 2018



Aħna Nafu. 1.

Aħna nafu li mhix din il-mantra tagħna,
li twassalna sabiex ninfdu s-sisien tal-preċipizzju.
Aħna nafu li mhux dan huwa r-rużarju
biex iwassal leħen fgat mill-qigħan ta’ ħalq l-oraklu
fil-konfini tas-silenzji jew tax-xefaq
li jitbiegħed u jittwessa mat-tragward
li qed infittxu.
Aħna nafu li l-messaġġ f’dil-purċissjoni
iwassluħ das-serbut nemel li jistaqsu lil xulxin
minn widna għal widna u minn żmien għak żmien.
Din mhijiex il mixja fid-deżert li għad trid lilna twassal
sal konfini ta’ li nafu jew nistqarru
għax kull deżert mhux għajr in-narrattiva
tar-ruħ li ġġor magħha xbigħat minquxa.
Fid-deżert hemm biss l-eżami tal-kuxxjenza.
Aħna li għadna nterrqu dawn l-inħawi ta’ li nafu
bin-nostalġija ta’ triqat u moghodijiet
li minnhom konna għaddejna meta konna għadna tfal
konna ħsibna li daż-żmien qatt mhu se jgħaddi
li dan hu biss ix-xeneġġjat
li se jibqa’ jirrikorri.

Alfred Grech
24/04/2018.


Monday, 23 April 2018




Inti Li Ġejt Isserrep.

Inti li ġejt isserrep
U tibqa’ bejn ħaltejn,
Hawnhekk il-misraħ tnaddaf
U kollox sar kristall.
Fuq xefaq fejn jiltaqgħu
l-ħjut tad-dawl u d-dlam
tal-linja li trid tifred
it-tajjeb mill-ħażin.
Hemm fl-aħħar nifs tal-ħajja,
Fejn taf li għext għalxejn
Fejn bqajt ma sibhtx tweġiba,
Fejn taf li xejn mhux xejn
U xejn ma jibqa’ għal dejjem.
Fil-wegħeda taż-żernieq,
Fejn għad kullħadd jintagħżel
Is-sewwa mill-ħażin
Mal-leħħa li trid tkebbes
In-nar ta’ kull taqbid.

Inti li ġejt isserrep
Trid tibqa’ bejn ħaltejn
Xħin tħares sew fil-mera
Issib iż-żewġ uġuħ
Fl-istess munita. . .

Int taf li ġewwa fija
Hemm anġlu u hemm xitan.

Alfred Grech
23/04/2018

Friday, 20 April 2018




Jien Xtaqt li Lanqas Nagħżel.

Jien xtaqt li lanqas nagħżel
Bejn dak li mhux tassew
U dak li qiegħed nara
U l-ħrejjef li ssemmew.


U bejn nitfixkel nibda’
Li hu minn dak li mhux,
F’qoxorti nerġa’ nidħol
U nagħmel bħal bebbux.

U mank li dak li noħlom
Jissarraf f’realta’
Biex fl-aħħar nistgħu ngħidu,
Din hija l-verita’

Jien xtaqt li lanqas nagħżel
Li mhux minn dak li hu,
Biex b’hekk it-trasparenza
Issir tassew virtu’

Alfred Grech
20/04/2018

Thursday, 19 April 2018




U Le Ridt Biss li Ngħanni.

U le ridt biss li ngħanni
U ngħid li qed inħoss
Dak li qed jissikkani
Bħal morsa qed iross.

U le ridt biss li ngħanni
U mhu qed ngħid xejn ġdid,
Jien ngħidha kif inħossha
Kelm’iebsa bħall-ħadid.

Mhux nagħti xi tagħlima,
Infassal xi qawl ġdid,
Nagħmilha ta’ profeta,
Inxandar t-tiġdid.

Din ruħi wisq imxekkla
Marsusa f’dan l-ambjent
Trid tagħmel bħal ħaddieħor
U timxi mal-kurrent.

U le ridt biss li ngħanni
Għaxfl-agħana hemm il-ħelsien
Ta’ruħ li trid tiskarta
U tħares ‘l-quddiem.

U hekk se nibqa’ ngħanni
U hekk inkun magħruf
L-għannej tal-għanja ġdida
Għal ftit tal-ħin misluf.

Alfred Grech
19/04/2018

Tuesday, 17 April 2018




Tridni Nemmen.

Tridni nemmen dak li nara
Bla ma naħseb  u nixtarr,
Tridni nemmnek xħin titkellem
U dak kollu li tistqarr.

Ma nafx jekk xħin tirritani
U tirfisli l-kallijiet,
Nagħmilx pass u nerġa’ lura
Biex nistħarreġ ftit fil-kwiet.

Għandix jien nitolbok skuża
Jew nistenna, mmur x’imkien,
Biex tinbidel il-burdata
Jerġa’ kollox għall-li kien.

Alfred Grech
17/04/2018

Monday, 16 April 2018




Int Sirt Bħaċ-Ċpar.

Inti li sirt bħaċ-ċpar, ma nafx għadekx tiftakar;
Jien għadni ngħix ix-xefaq li ħallejtli.
Xħin sar duħħan il-falliment tal-bieraħ
Erġajt ġejt lura tistaqsini l-għala
U sibt li l-ħtija mhix fl-istilel tagħna,
Il-ħtija tagħna stess għaliex għaddejna
Mill-istess triq; infittxu dak li sibna
Drabi oħra bin-nhar f’mergħat moħbija,
Intennu ta kulljum rużarju wieħed
Fir-rokna li silifna l-anġlu tagħna.

Int trid li tkun bħall-ilma, tibqa’ tgelgel
Fil-kors bla terġa’ lura tan-nixxiegħa;
Jien naħlef li rrid norbtok mhux bis-seħer
U l-ktajjen ta’ dal-faxxinu mentali,
Biex terġa’ ta’ kull darba tistaqsini
X’inhu li jġiegħlek toqgħod hawn tismgħani.

Alfred Grech
16/04/ 2018.


Thursday, 12 April 2018



Provokazzjoni.

Huma bosta li jgħarfu wiċċek
U ħafna jafu ismek
Iżda ruħek għaraftha jiena biss.
Għax inti bħal djamant li jiswa’ ħafna,
tgħodd biss għal dak li jgħożżok.
Jien naħseb fis-skiet tiegħi
U mbagħad insir ribell
Għaliex għal xi raġuni
Jinħema fija dak kollu  li urejtni.
U int issir provokazzjoni
Kull meta tmidd il-pass,
Issir irriverenti kull xħin tiċċaqlaq,
U ssir id-dannazzjoni ta’ kull darba
Li nduq il-frott tas-siġra.
Jien ninsa’ t-togħma tiegħek ta’ kull darba,
Iżda mbagħad inħoss il-ħtieġa
Daqskieku kont id-droga prefertita.

Alfred Grech
12/04/2018

Wednesday, 11 April 2018




Frugħa.

U f’ħajjti sibt il-milja tiegħi
Għaliex insejt li qiegħed ngħix.
Nindiehes mat-tmellis ta’ jdejk assenti
Mas-seħer tiegħek kullimkien
U mill-fwieħa ta’ tifkira saret xewqa.

Hu fix-xaba’ tal-frott li ġibt quddiemi
Li jien sibt il-baħħ ta’ ħwejjġek
U l-għatx għal dik il-ħaġa li mhix tas-soltu.
Iżda, jien li qiegħed ngħix bejn dak li jien
U li nixtieq; bejn dak li noħlom
U dak li jgħix il-ħolma qasira tkun is-sensazzjoni
Tal-miġja tiegħek u tal-bżieżaq tas-sapun
Li jfawwru fuq wiċċ l-ilma.
Kull xħin tintefa’ f’ħoġri
Jien ninfed ħbub għajnejk bil-ħars distratt
Jew nagħmel dik il-qabża li tmur lil hemm.
Insib ruħħi n-naħħa l-oħra
Fl-infinit, fl-etern, fix-xejn qatt ma jinbidel.

Għax xejn ma jista’ jwaqqaf din il-mixja
Sat-tarf li jiġbed lejh kull direzzjoni
Fejn kollox huwa ċar li tista’ tifhmu
Bħal mixi ta’ gelgul tal-ilma ġieri
Lejn l-oċean  idifferenti.
Jien miegħek nerġa’ ngħaddi wkoll
Mill-wied mudlam tat-tentazzjoni
Tqanqil ta’ kull passjoni u tat-tiġrib,
Kull meta tgħaddi minn quddiemi.
Inti tibqa’ tgħid li trid u jiena ngħidlek
Li din hi frugħa tal-frugfħat u xejn ħlief frugħa.

Alfred Grech.
11/04/2018

Monday, 9 April 2018




Lil Carmen.

Ja mara ta’ lejl wieħed,
Għal waqt ma kont ħsibt xejn,
Inkella l-ħajja waqfet. Iżda xħin il-folja taqleb
Qatt ma taf xi tkun se ssib
Jew li hemm tassew l-imħabba.
Kien għad kurrenti wisq
Xħin int itterrompejtni.
U ħsibt li kien it-tmiem xħin tlajna  l-istess tlajja.
Jien li miġnun warajk
Li tiġi mbagħad tfittixni
Issib li kont assenti
Xħin l-aktar kont tinħtieġni.
Imbagħad tinfexx fil-kliem li jien kont għedtlek
Bħal kienu ġugarelli.
Noħoilqu l-ftit bil-ftit filwaqt li ngħixu l-ħajja
U npejjpu l-weraq tal-ħolm tagħna
Xħin nieħdu nifs il-ġewwa.
Xi darba rrid nonfoħlok il-fewġa fuq ħaddejk
U nsemma lilek biss, il-poeżija tiegħi,
Għax kull ma xtaqt kien biss
Li ntenni dak li naf
U ngħidu lilek biss.
Imm’int intlift
Fix-xogħol li kellu jsir.

Alfred Grech
09/04/2018

Sunday, 8 April 2018



Exsultet.

Ħa tifraħ din l-art li xi darba konna ngħidu
li hi l-isbaħ ġawra fil-kuruna tas-sultan,
Għax issa niżlu fuqha bħal isqra
l-għasafar tal-ħtif,li jaħtfu l-ġid bil-ponnijiet
il-ftit li baqgħu jonfħlu l-bżieżaq
tal-ekonomija tas-sapun.
Ħa jifirħu l-Ministri u ta’ madwarhom
li jistgħu jitpaxxew u jiftaħru
li qed jaqdu ’l-alla tal-ħala, taż-żeblieħ għal kull deċenza,
tal-bini bla rażan, u tal-kollox jgħodd imbasta għall-flus,
tal-istravagnaza u tal-affluwenza,
għax issa l-Maltin lanqas għadhom iridu jħammġu jdejjhom,
lanqas iridu jaħsbu b’moħħom u lanqas m’għandhom għalfejn
għax hemm min jaħseb għalihom.
Ħallu t-trombi tas-salvazzjoni
idamdmu, jirrumblaw,  jirbumbjaw
u jifqgħu l-widnejn li  qatt ma semgħu l-ħsejjes tal-muturi,
u jidħlu f’kull rokna fejun tista’ tmur tistrieħ
għall-kwiet jew tikkuntempla;
Ħa jirbumbjaw u jekkeġġjaw il-qawwa tas-sidien il-ġodda,
li jaħtfu, li jħammġu u li jeqirdu
bl-iskuża tal-isvilupp u tal-ekonomija dejjem tikber.
Ifirħu, ħa tifraħ l-art għaliex il-glorja
qed tegħereq ġewwa fiha u qed tħeġġeġ
id-dawl tas-sultan setgħani tagħha.
Ħa jifirħu l-irkejjen kollha
għaliex jagħrfu t-tmiem tad-dwejjaq u tad-dalma.
Ħa tifraħ din l-art, l-omm li tagħtna isimha,
imdawwla kif inhi mid-dawl fuqhani
li ġej minn kredu trijonfanti tal-progress
tal-izvilupp u tar-regolamentazzjoni.
Tiftaħar illi kienet saħansitra minn tal-ewwel
li tibdel liġijiet u taqleb ta’ taħt fuq kull-ordni naturali,
ġerarkiji, troni u dominazzjonijiet,
u tispiċċa biex tibla l-ħmerijiet minn kull fejn jiġu.
Ħalli l-qarnita ta subajjha twal u nviżibbli
tal-kilba, tifga, tnaqqar, issewwes u taħtaf
kul biċċa roqgħa art verġni
fost in-ngħas u t-telqa ta’ poplu lluppjat
aljenta bix-xbiegħat virtwali
aktar milli bin-naqxiet tat-tafal.
Għalhekk għeżież ħbieb, li bħali
tinsabu għarkubjejjkom quddiem il-qawwa u l-glorja
ta’ setgħa moħbija
li tiggranfa u tisloħ u tifga
l-aħħar għeliem tal-ħelsien fid-dieher
sejjħu miegħi s-setgħa ta’ dan l-alla ġdid
li lili għoġbu jgħoddni għalkemm ma jistħoqqlix
fost il-leviti.
Isawwab fiha d-dawl bla dellijiet
tal-illuminazzjoni l-ġdida
ta’ soċjeta’ nkusiva, fejn titneħħa d-distinzjoni,
kull diskriminazzjoni, u kollox livellat
għal xejn mhux xejn u fejn kulħadd
irid jilbes maskra waħda;
Biex jiena wkoll nista’ ngħanni
t-tifħir ta’ din ix-xemgħa.
Amen.

Alfred Grech
08/04/2018.



Wednesday, 4 April 2018




Illum M’Għandix Xi Ngħidlek.

Illum m’għandix xi ngħidlek
Inħossni bal miblugħ
Inħossni bħal bużżieqa
Bla rih, ballun mifqugħ.

Illum irrid ninbidel,
Nintilef fis-sabiħ,
Mhux sewwa li nsir bħalek
U f’moħħi nkun mistrieħ.

Alfred Grech
04/04/2018

Tuesday, 3 April 2018




Stqarrija.

Jien li ma kellix għażla,
Bqajt miexi f’dal-perkors,
Imqarr jekk x’kelli nagħmel,
Kont naf mingħajr diskors.

Jiena li xejn ma kelli,
Bla ġwienaħ stajt intir,
Ma bqajtx marbut ma ħwejjġi
U l-prieċi tal-inxir.

Stajt nimraħ stajt niġġerra,
Nittajjar fuq il-ward,
Imqar xħin giet ix-xita
U bdejt inħoss il-bard.

Stajt nimraħ u stajt neħles
Minn dak li kien ta’ xkiel,
Niddakkar minn kull warda
Mingħajr ma nħalli ħjiel.

Jien li ma kelli xtoqol
Ta’ wirt u ta’ nteress,
Stajt noħlom li nkun ħieles
U fuqi ħadd pussess.

Stajt nogħola ‘l-fuq, nittajjar,
U noqgħola ’l-fuq mis-sħab,
Ukoll stajt nilgħab logħoba,
Ta’ min qatt kien lagħab.

Jien li ma kellix x’nitlef
Stajt nerġa’ mmur mnejn ġejt,
U nerġa’ nibda niġbor,
Kull biċċa mnejn ħallejt.

Jien li ma kellix x’naħbi
Stajt b’wiċċi minn quddiem
Nixlihom u nikxifhom
F’kundanna ta’ bla kliem.

Alfred Grech
03/04/2018