Exsultet.
Ħa tifraħ din
l-art li xi darba konna ngħidu
li hi l-isbaħ ġawra
fil-kuruna tas-sultan,
Għax issa niżlu
fuqha bħal isqra
l-għasafar
tal-ħtif,li jaħtfu l-ġid bil-ponnijiet
il-ftit li baqgħu
jonfħlu l-bżieżaq
tal-ekonomija
tas-sapun.
Ħa jifirħu
l-Ministri u ta’ madwarhom
li jistgħu
jitpaxxew u jiftaħru
li qed jaqdu ’l-alla
tal-ħala, taż-żeblieħ għal kull deċenza,
tal-bini bla
rażan, u tal-kollox jgħodd imbasta għall-flus,
tal-istravagnaza u
tal-affluwenza,
għax issa
l-Maltin lanqas għadhom iridu jħammġu jdejjhom,
lanqas iridu jaħsbu
b’moħħom u lanqas m’għandhom għalfejn
għax hemm min
jaħseb għalihom.
Ħallu t-trombi
tas-salvazzjoni
idamdmu,
jirrumblaw, jirbumbjaw
u jifqgħu
l-widnejn li qatt ma semgħu l-ħsejjes
tal-muturi,
u jidħlu f’kull
rokna fejun tista’ tmur tistrieħ
għall-kwiet jew
tikkuntempla;
Ħa jirbumbjaw u
jekkeġġjaw il-qawwa tas-sidien il-ġodda,
li jaħtfu, li
jħammġu u li jeqirdu
bl-iskuża
tal-isvilupp u tal-ekonomija dejjem tikber.
Ifirħu, ħa tifraħ
l-art għaliex il-glorja
qed tegħereq
ġewwa fiha u qed tħeġġeġ
id-dawl
tas-sultan setgħani tagħha.
Ħa jifirħu
l-irkejjen kollha
għaliex jagħrfu
t-tmiem tad-dwejjaq u tad-dalma.
Ħa tifraħ din
l-art, l-omm li tagħtna isimha,
imdawwla kif inhi
mid-dawl fuqhani
li ġej minn kredu
trijonfanti tal-progress
tal-izvilupp u
tar-regolamentazzjoni.
Tiftaħar illi
kienet saħansitra minn tal-ewwel
li tibdel
liġijiet u taqleb ta’ taħt fuq kull-ordni naturali,
ġerarkiji, troni
u dominazzjonijiet,
u tispiċċa biex tibla
l-ħmerijiet minn kull fejn jiġu.
Ħalli l-qarnita
ta subajjha twal u nviżibbli
tal-kilba, tifga,
tnaqqar, issewwes u taħtaf
kul biċċa roqgħa
art verġni
fost in-ngħas u
t-telqa ta’ poplu lluppjat
aljenta
bix-xbiegħat virtwali
aktar milli
bin-naqxiet tat-tafal.
Għalhekk għeżież
ħbieb, li bħali
tinsabu
għarkubjejjkom quddiem il-qawwa u l-glorja
ta’ setgħa
moħbija
li tiggranfa u
tisloħ u tifga
l-aħħar għeliem
tal-ħelsien fid-dieher
sejjħu miegħi
s-setgħa ta’ dan l-alla ġdid
li lili għoġbu
jgħoddni għalkemm ma jistħoqqlix
fost il-leviti.
Isawwab fiha
d-dawl bla dellijiet
tal-illuminazzjoni
l-ġdida
ta’ soċjeta’
nkusiva, fejn titneħħa d-distinzjoni,
kull
diskriminazzjoni, u kollox livellat
għal xejn mhux
xejn u fejn kulħadd
irid jilbes
maskra waħda;
Biex jiena wkoll
nista’ ngħanni
t-tifħir ta’ din
ix-xemgħa.
Amen.
Alfred Grech
08/04/2018.
No comments:
Post a Comment