Stqarrija.
Jien li ma kellix għażla,
Bqajt miexi f’dal-perkors,
Imqarr jekk x’kelli nagħmel,
Kont naf mingħajr diskors.
Jiena li xejn ma kelli,
Bla ġwienaħ stajt intir,
Ma bqajtx marbut ma ħwejjġi
U l-prieċi tal-inxir.
Stajt nimraħ stajt niġġerra,
Nittajjar fuq il-ward,
Imqar xħin giet ix-xita
U bdejt inħoss il-bard.
Stajt nimraħ u stajt neħles
Minn dak li kien ta’ xkiel,
Niddakkar minn kull warda
Mingħajr ma nħalli ħjiel.
Jien li ma kelli xtoqol
Ta’ wirt u ta’ nteress,
Stajt noħlom li nkun ħieles
U fuqi ħadd pussess.
Stajt nogħola ‘l-fuq,
nittajjar,
U noqgħola ’l-fuq mis-sħab,
Ukoll stajt nilgħab logħoba,
Ta’ min qatt kien lagħab.
Jien li ma kellix x’nitlef
Stajt nerġa’ mmur mnejn ġejt,
U nerġa’ nibda niġbor,
Kull biċċa mnejn ħallejt.
Jien li ma kellix x’naħbi
Stajt b’wiċċi minn quddiem
Nixlihom u nikxifhom
F’kundanna ta’ bla kliem.
Alfred Grech
03/04/2018
No comments:
Post a Comment