Inti Li Ġejt Isserrep.
Inti li ġejt isserrep
U tibqa’ bejn ħaltejn,
Hawnhekk il-misraħ tnaddaf
U kollox sar kristall.
Fuq xefaq fejn jiltaqgħu
l-ħjut tad-dawl u d-dlam
tal-linja li trid tifred
it-tajjeb mill-ħażin.
Hemm fl-aħħar nifs
tal-ħajja,
Fejn taf li għext għalxejn
Fejn bqajt ma sibhtx
tweġiba,
Fejn taf li xejn mhux xejn
U xejn ma jibqa’ għal
dejjem.
Fil-wegħeda taż-żernieq,
Fejn għad kullħadd
jintagħżel
Is-sewwa mill-ħażin
Mal-leħħa li trid tkebbes
In-nar ta’ kull taqbid.
Inti li ġejt isserrep
Trid tibqa’ bejn ħaltejn
Xħin tħares sew fil-mera
Issib iż-żewġ uġuħ
Fl-istess munita. . .
Int taf li ġewwa fija
Hemm anġlu u hemm xitan.
Alfred Grech
23/04/2018
No comments:
Post a Comment