Wednesday, 9 May 2018




Għaliex Daħħaltu Lili.

Għaliex daħħaltu lili
fil-kredu hawn bla bżonn?
jien noqgħod xtaqt bi kwieti
u ngħaqqad mhux il ponn.

Għal xhiex nivvota tridu?
Jien m’għandi x’naqsam xejn
ma dak li tħarrfu u tigdbu
tistaqsunix għalfejn.

Jien ridt bi kwieti noqgħod,
Għarib u ftit għal ġenb,
fidil ta’ dawn l-inħawi
u mhux xitan bla denb.

Jien ċert li dak li għandi
xi ngħid qatt mhu se jgħodd.
Għalfejn tistaqsu mela?
Kull toqba rrid insodd!

Intom li tafu ħafna,
u tafu tippriedkaw,
ħalluni ftit bi kwieti
u l’hawn qatt tissugraw.

Intom in-nies tal-midja
li tiġi b’xi survey,
jew dawk tal-istatist’ka
li tbassru x’inhu ġej.

Intom in-nies tal-liġi
jew int politikant,
li tafu x’għandkom tagħmlu
sibt ruħħi ġo x’irkant?

Intom li tafu ħafna
u tafu t-tweġibiet
li tafu kif naħsibha
ħalluni ftit bil-kwiet.

Alfred Grech
09/05/2018.

No comments:

Post a Comment