Sunday, 27 May 2018



Sinfonija ta Ruħ Li Trid Tinħall.

Iss’għid kif tħossok
xħin toħroġ minn ġol ilma fietel
bħat-twelid ta’ Afrodite,
u jiena nħares lejk għaddejja minn fuq il blat iniggeż
daqskieku kont reġina tiela’ t-taraġ imperjali.
U hekk inkun narak ukoll mingħajr nuċċali
b’għajnejja nudi sabiex xejn ma jaħrabli,
taħt xemx li qiegħda tnin
u taħbi u tostor magħha
xħin tmur tinħeba wara x-xefaq,
il-misteri u d-dnubiet ta’ matul il-jum.
Iżda din mhijiex l-aħħar tislima
fis-skiet inkanexxenti.
Din hija sinfonija ta’ ruħ li trid tinħall
minn kull irbit, ta’ kull ma tagħllmet
u mix-xkiel ta’ fejn sabet ruħha u ma min qed tagħmilha.
Din hija t-tila ta’ Penelope
li tinseġ ħjut iż-żmien u terġa’ tiftoq.
Jien għadni qed inbaħħar
fil-ħolm tal-oċean u l-miti,
u l’aqwa ħolma tiegħi tibqa’ dik
li għad hemm inti tistennieni.
Hemm int li ma tafx u ma tagħrafx
it-tul u t-toqol tal-assenza,
għaliex int wild l-allat li dakkruk
bl-imħabba eterna, l-imħabba li ma tmutx.
Int issa qiegħda tinsġ fuq it-tila
il-qerq tal pretenednti
il ġrajja umana tiegħek
biex imbagħad terġa’ tiftoq
u terġa’ tibda tinseġ.
Iżda jien, li nibqa’ għaddej nivvjaġġa
bejn Xilla u Karibdi,
bejn l-iskolji tal biża li se nfalli, is-sens tan-nostaġija
u x-xewqat li qatt ma twettqu,
bejn ġejjieni skonoxxut u l-periklu tas-seduzzjoni
għad nerġa’ lura għal ghandek
liebes ta’ tallab
biex ngħaddi miċ-ċensura
u minn kull prova li tagħmilli.

Alfred Grech
Dwejra 27/05/2018






No comments:

Post a Comment