Tuesday, 23 October 2018



Related image
Aħna Nitniehdu.

Aħna li sirna barranin imqarr fi djarna
għax is-sistema belgħet kollox
għax sirna fqar mingħajr ma ntbaħna
għax hemm il banek jaħkmu kollox
u rqadna f’dawl il jum
għax hemm min jieħu ħsiebna
u jieħu ħsieb ħwejjiġna.

Aħna li twelidna fl-għaks imwaħħar
li ma jaf xejn mill-għerf modern u l-ġid virtwali,
li drajna fil-ħelsien tal-ħsieb u l-kelma
tal-beraħ tal-widien u tal-għelieqi
ma nifilħux il-madmad tas-setgħana
u l-arroganza tal-anonimat sottili,
ta’ dawk il ħafna rjus isuqu l-merħla
ta’ dawk li jridu lilna jgħallmu
x’għandna ngħidu, x’għandna naħsbu
u x’għandna nagħmlu bi ħwejjiġna.

Aħna ma naduraw lill ebda alla falz
lill-ebda naqxa u l-ebda xbieha
ta’ li hemm fis-sema ‘l fuq
u ta’ li hemm fl-art minn taħt
jew ta’ li hemm fl-ilma ta’ taħt l-art,
ma nitmejjlux quddiemhom
wisq inqas quddiem dawk li jseħħfu l-flus
jisolħu sa l-insetti
u jdawwru r-rota tal iħirsa
f-ekonomija diġitali tisparixxi
tintefaħ bħal bużżieqa
ta’ bla isem, li tħaddan lilha nfisha
xi ħadd bi ħamar il-lejl
la jara u lanqas jisma’.

Aħna noħorġu fil-miftuħ
interrqu l-vija sagra
għaliex ma nifilħux it-toqol
tar-radda tal-moħriet
tas-sikka dejjem tobrox
tal-morsa dejjem tagħfas
tal-par għajnejn li qatt ma jorqdu. . .

Aħna nitniehdu.

Alfred Grech
24/10/2018

No comments:

Post a Comment