Thursday, 4 October 2018




Ejja Hawnhekk.

Ejja hawnhekk bil-qiegħada ħdejja
fuq kantun taħt diż-żebbuġa
nitbekkew agħar mill-ilsiera
hawn maġembna l-ilmijiet tax-xmajjar tax-xtut tagħna
ix-xtut ta’ Babilonja.
Nitbekkew l-iżverġnar ta’ dawn il-gżejjer
lil dan il-ġens mistifkat
traxxinat f’dil-mixja alluċinanti
lil dal-poplu lluppjat mhedi jgħasses
il-lussu efimeru ta’ tiġieġa tbid
il-bajd tad-deheb.

Ejja hawnhekk  ħa nibdew nagħmlu
bħax xadini, la naraw u la isimgħu, xejn ma nghidu
biex nixxabbtu u niskalaw il-grattaċjeli
jew nixxabbtu mal-ħitan tal-muta eterna
jew mas-siġar li jitqaċċtu
biex inwesgħu aktar toroq jew biex nibdu torri iehor
jew biex nagħmlu aktar wisa’ lil vetturi
li jiżdiedu ta’ kulljum,  jimblukkaw, jiġġammajaw
mas-sewwieqa kkundannati li qed jisħtu kull mument
li qed jobsqu telf ta’ sabar fil-blasfemi tas-sedil.

Ejja nagħmluha ta’ bankiera u nislifu l-flus bl-addoċċ
sabiex nibdu Malta ġdida jew nisselfu
biex noħolqu arja oħra ta’ progress u ta’ suq ħieles
jew kummerċ bl-immunita’
bil-munita diġitali
bl-osessjoni jew tellieqa biex inbiegħu
arja ta’ fuq il-bjut jew duħħan ta’ fuq il pjanti
spazju ġdid, spazju virtwali. . . .

Inti li bħali toħlom il-kwiekeb
u l-qamar li jongħos iċċassat
fuq sema mnikket għax darbuħ il krejnijiet.

Alfred Grech
05/10/2018

No comments:

Post a Comment