Saturday, 27 October 2018




Ninxteħtu Bilqiegħda.

Ninxteħtu bilqiegħda fuq l-għatbet il-bieb miftuħ tal-inċertezzi,
ta xemx li qatt ma tinżel wara x-xefaq għax jiltewa
u nimxi ma xulxin fpellegrinaġġ li jrid jgħaddina minn bieb għall-ieħor
tferfer ġwenħajtk bħall-anġli tas-smewwiet
bejn ibħra u sema li ma jiltaqgħu qatt.
Bħal l-pendlu mbagħad indur jien fuqi nnifsu biex
nurik li d-dinja tassew tonda.
Jien għad niltaqa’ miegħek  max-xatba ta’ lilhinn
għaliex il linja li tifrida hija l-linja
ta’dak li jidher u dak li ma jidhrix
isserraħ fuq l-ixfar iktar il-bogħod minn kull konfini
li jħawwad il-ġejjieni
biex jerġa’ mbagħad jistrieħ fuq xtut indifferent
bħal meta wieħed joħlom it-tifkririet inkella l-biża’
ta’ dak li jista’ jiġri.
Id-dell li nħallu jiena u int ikun id-dell rifless mal-ħitana tal-infinit
u mfisser biss bis-sillabi mislufa
minn kull kelma mistħajjla
fit-tifkiriet tal-bieraħ
u tħabbir ta’ dak li jista jiġri.

Alfred Grech
27/10/2018

No comments:

Post a Comment