Friday, 14 June 2019


Related image

Ħela Ta’ Ħin.

Ħela ta’ ħin għalik twerżaq u tgħajjat
poeta tad-disfatti u d-delużjoni,
u issa lanqas leħen ma fadallek,
xogħolok għamiltu u tista’ tmur tindifen.

Għalxejn titperreċ trid fl-anfiteatru
erħilhom dawk li jagħarblu l-baħħ ta’ ruħek
filwaqt li d-demm li tħalli xħin tiżvina
jitħallat max-xewqat li darba kienu
qawwija daqs id-dlamijiet li jxekklu
id-dawl li jrid kull darba jersaq lejna,
imewwet is-skiet tiegħek li kien qares.

Bħar-ramel tad-deżert jinbidel wiċċek
filwaqt li l-passi tiegħek bdew jitqalu,
insetti alluċinanti qed jiddieħku
bit-traċċi li ħallejt hemm ittimbrati.

Ġildek offrejt u ħsiebek lil ħaddieħor,
u saħansitra l-vini tiegħek nixfu
għalxejn titlajja hawnhekk u ma tridx titlaq,
għax qtajt in-nifs u lanqas m’għadek tisma.

Alfred Grech
14/06/2019

No comments:

Post a Comment