Ħallejnihom.
Ħallejtuhom iġibu l-vjolenza
Dan ngħiduh mingħajr biża u tlaqliq
Ħallejtuhom ikissru w iħarrbtu
U għal milljuni jagħtuna bis-sieq.
Jittradixxu u jbiegħu pajjiżna
Lill-barrani u jħammġu kull m‘hawn,
Ġabu fuqna kull mard u kull vizzju
Qatt ma rajna xenati bħal dawn.
Saru isqra tal-ħtif, nies feroċi
Biex neżżgħulna kull sens ta’ rispett,
Dardru l-ilma li minnu nixorbu,
Żebilħuna u waqqgħulna għaż-żuffjet.
Issa ħasbu xi ħadd se jemminhom,
Biss hawn bċieċen li għadhom reqdin,
Iżda ż-żejt jitla’ qiegħed f’wiċċ l-ilma
U jinkixfu l-midinba qiegħdin.
Ħtija tagħna għax aħna fdajnihom,
Lilħom tajna l-muftieħ tad-destin
Il-ħmieġ kollu wiegħduna li jneħħu
U issa huma qed jikxfu ’l-xulxin.
Alfred Grech
25/11/2019
No comments:
Post a Comment