L-Olimpjani.
Issa li l-olimpjani spiċċawlhom il karti tal-logħob
u fadlilhom ftit mossi x’jistgħu jagħmlu
qabel jiblagħhom l-abbiss
u jinżlu jitgerrbu għal-isfel
mill-għoljet u mill qċaċet fejn kienu tant jiddandnu
għax kienu jaħsbu li ħadd ma seta’ għalihom
huma daru fuq Zeus, il-kbir Zeus
ir-re tal-allat
iben Rhea u l-qawwi Kronos
li sallum dejjem kien it-tarka tagħhom
u laqgħa għalihom bħal tfal imqarbin li kienu
u sgiċċa mill mira ta’ kull vleġġa velenuża
billi aljena lil kullħadd u lihom magħhom
bl-istejjer ta’ qabel l-irqad u bil ħrejjef l-oħra
bil-kutrumbajsi li kien imdorri jagħmel
inkella teatrini
għax hu kien attur u kien makakk
imħarreġ sew fis-sena tas-simulazzjoni.
Iżd’issa mqar il-kbir Zeus
żmienu kien għamlu u s-seħer li kien imdorri jitfa’
fuq kulħadd spiċċalu
għax trekken hu ukoll
u nqabad sewwasew ġo l-għanqbuta li kien niseġ.
U meta marru ħdejħ jistaqsuħ x’setgħu jagħmlu
Zeus il-kbir tbiegħed minnhom
u lissen kliem ma jinftiehemx
u beda jisħet il waqt u l-ħin
li hu wkoll ma spiċċax ġewwa żaqq
Kronos missieru bħall-allat ta’ qablu.
U issa wieħed wieħed bdew jitgerrbu
it-taraġ għoli tal-palazz irrestawrat
ewlieni fil quċċata fejn jista’ jidher
minn kulħadd u minn kullimkien
fuq l-għolja mqaddsa tal-allat.
Sab ruħu waħdu issa l-kbir Zeus
jiġġieled il-qilla tal-plebej u tal-bnedmin
li fis-sedqa tagħħom emmnu
u għax emmnu hassew irwieħom milgħuba.
iżd’issa qamu min-ngħas twil u tqil li kien ħakimhom
Alfred Grech
24/11/2019.
No comments:
Post a Comment