Meta T-Tifkiriet. .
Meta t-tifkriet isiru
bħat-tvenvin
tar-riħ li jgħaddi bejn il-fili
tal-luċelettrika
imperrċa mal-arbli fit-toroq ta’
nħawi minsija
inkella bħal karozzi mrażżna
mill-freni
jwerżqu l-gomom tar-roti
jgħaqqdu mal-asfalt
fit-tfittxija frenetika li tirbaħ
iż-żmien
jien nibda naħseb biex nerġa’
lura għal għandek
għaliex fi ħdanek hemm ir-risq u l-hena.
Imbagħad jiġri li nħossu
t-tnejn li aħna
il-ħlewwa tirfina bħal ambrosia
fuq ilsienna
biex nibdew nissugraw fuq meded
ġodda
f’dawk l-inħawi fejn ħadd għadu
ma resaq
inkella li minnhom għad ħadd
qatt ma reġa’ lura
għaliex ma nistabrux li jista’
jkun hemm xefaq
li tiħqu ma tistax
jew li lilhinn minnu
issalpa ma tistax.
Jien imbagħad insir l-għannej
li nikteb ħafna versi b’nifsi
maqtugħ
għax naf li l-pinna ma tlaħħaqx
mal-ġiri tal-ħsieb
u quddiem għajnejja ma
jifdallix għajr l-era ta’ ġismek
ħierġa bil-mod il-mod
mill-ilma ta’ xatt il-baħar
li qatt ma żort.
Alfred Grech
16.11.2019.
No comments:
Post a Comment