Bħall-Għerienaq.
Bħal
għerienaq ittawlu għanqkom
u tmiddi riġlejkom twal
fli spazji ta’ bla wisa’
oqgħodu ħarsu l-isfel minn fuq il-bjut
u l-parapetti tat-torrijiet u l-barumbari.
Għaliex qed tikxfu snienkom?
Donnkom irbaħtu lotterija!
Kerraħtu s-sema b’suritkom
biddiltulna l-vista mingħajr ma kellna bżonn nuċċali
u għattejtu bl-għarbiel ix-xemx
biex issa kulħadd bħan nemel u d-dud tal-art
fil-gandotti u l-mini ta’ taħt l-art.
Kien l-abbiss tal-ħmieġ u tal-qerq
li wasslkom sabiex sraqtu
xi ħaġa li mhix tagħkom
il-wirt ta’ dawk li għad iridu jiġu.
Issa wkoll daħħantu l-arja li nibilgħu
u sraqtu saħansitra s-simetrija
minn idejn Pitagora
filwaqt li l-allat t’olimpu baqgħu
iħarsu ċċassat fis-sokor tagħom
jew jongħosu fir-rqad imxaħxaħ
tal-opuklenza u l-lussurja.
Issa li ħsibtu li tlaqjtu sal-quċċata
tintebħu li kollox kien mistħajjel
għax xħin tinfaqa’ l-bużżieqa
il-ħmar il-lejl isir ġejjieni.
Bnejtu mafkar il-kruha
u monument lil ħallelin
fil maqdes tar-rejba
frott il-moħħ battal u l-għama
t’għajnejn li tħares bla ma tara.
U inti prekursur tal-għana virtwali
u taż-żufjett ibbalzmat
mur ħabbrilhom lil-dawk it-torox
u għidilhom li xejn mhux xejn
u xejn ma jiswa’
għax kollox żvalutat
u kollox daħna
u li issa huwa ż-żmien tal eżami tal kuxxjenza..
Alfred Grech
10/02/2020/
No comments:
Post a Comment