Friday, 30 September 2016


Anqas Naf Għaliex Bdejt Nikteb.

Anqas naf għaliex bdejt nikteb
Dawn il-vrus ma jfissru xejn,
Lanqas naf kif f’daqqa waħda
Dawn il-ħsibijiet minn fejn?

F’liema sqaq int ser teħodni
U timlieni ftit bil-ferħ,
Liema kliem se tq’għed fuq fommi
biex ta’ ruħi tkun is-serħ.

Nistaħbew it-tnejn li aħna,
Nispiċċaw f’xi post straman,
Anki jekk it-temp mhux magħna,
Fuq ix-xefaq, sħab ruxxan.

F’tarf it-trejqa dejjqa, dejjqa,
Li ma twassal għal imkien
Jien stennejtek tiġi lura
U ġġib miegħek dak li kien.

F’dina l-għodwa ta’ riħ isfel
Jien għarrixt ma kullimkien,
Bqajt hawnhekk nistenna lilek
Biex naħarbu t-tnejn flimkien.

Jien stennejtek ser tifaċċa
biex noqgħodu niflu s-skiet,
Jiena nisma’ qalbek taħabbat
Int ittenni t-tifkiriet.

Jiena nikteb għanja ġdida,
Għanja mlewwna tal-ħolqien,
Għanja ħelwa tas-sireni,
u ngħannuha int u jien.

Alfred Grech.

30/09/2016.

No comments:

Post a Comment