Tuesday, 31 October 2017



Meta l-Inkubi.

Meta l-inkubi  tal-orrur jiddisturbaw in-nagħas imniegħes
U s-sħaħar ta’ mneħirhom twil jirgħu u jittajjru fuq l-irjus ta’ min ma jafx,
Erħilna lilna li jgħaddu mingħajrna u ma niswew għalxejn nistaqsu:
Dawn in-nies jiddimostraw, jispekulaw u jisfaxxaw
F’dawn it-toroq desolanti ta’ ta din l-art iffullata,
Għal min u kontra min qiegħdin iħambqu?
Xi skuża ser iġibu sabiex jgħollu ftit il-marki tal-pressjoni
Ta’ min hu bla kawża, bla skuża jew bla sinsla.
Liema għoqda ser torbothom fl-ispjanar tal-pjanijiet ittrapjantati?
Biex ngħidu l’aħna wkoll nistqarru l-fidi tagħna
Taħt il-kappelun tal-anġli t-tajba tal-ħelsien tal-espressjoni.
F’liema żmien u f’liema dinja qiegħdin ngħixu?
Għaliex issa saħansitra tlifna r-riga,
Għaliex ħsibna li qed ngħixu fuq art oħra
Għax din l-art ma tingħarafx.
Dan pajjiż fejn jitrawwmu r-rewwixti,
Fi żmiejn fejn kollox jgħodd u xejn ma jgħodd,
Fejn kullħadd irid ifiehem u ma jrid jiftiehem ħadd.
Dan huwa l-lament
Tal-merħla li tilfet ir-ragħaj tagħha,
Ta’ dan is-serbut nemel jippassiġġa
Ta’ din il-folola miexja fl-għamad.

Alfred Grech

31/10/2017

No comments:

Post a Comment