Tuesday, 5 June 2018


Related image


Kull Xħin Inħares Lejk.

Kull xħin inħares lejk fil-forma seduċenti
Infittex biss it-trasfigurazzjoni t’elf ħsieb
Bħal barbaġanni kollha għassa
Għax int taqrali moħħi.

Hemm nies li taħbat magħhom
Għax għażla ma jkunx hemm,
Oħrajn li għaddejjin fuq il-bankina
Għax posthom qatt ma kien fil-karreġġjata.
Oħrajn ta’ħafna għażliet
Li trid bil-fors tiżbalja,
Bħan-nies li bla ma taf għaliex trid taħbat magħhom
Għaliex spiċċaw l-għażliet.

Aħjar immut bil-għatx għal qatra
Jekk x’tixrob hemm il-kalċi li toffrili,
Għaliex jekk nidra ngħix bil-għatx
Għad nista’ ngħix għal dejjem.
L-għatx li qed ngħix fih hu biss
l-abbiss mudlam li fih irrid niddendel,
biex b’hekk inkejjel it-telf tiegħi
mingħajr il-paraguni.
U mbagħad, xħin għad immiss il-qiegħ
Insib li l-qiegħ mank biss kien hemm
Għax kollox sar efimeru, simulat u seduċenti.

Jien ngħix dawn il-waqtiet biex ngħanni
Biex ninbex lili nnifsi u ninbex lix-xemx għaddejja.
Għax issa ġie xi jgħidli li fl-imbix
Hemm it-tweġiba ta’ kull misteru
Inkella l-passatemp ta’ dak li jista’ jkun
Bla biss jissarraf.

Int tilaq u tħallini
U jibqa’ biss it-tifkiriet, il-ħsieb u t-tama li għad tiġi,
Jien nibqa’ hawnhekk migħajr ma nirrisondi
Ċ-ċellulari li jivvibra.

Alfred Grech
05/06/2018.

No comments:

Post a Comment