Monday, 11 June 2018


Related image


Meta Tibda Tistaqsi.

Meta tibda tistaqsi
U l-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin
U l-ebda tweġiba ma toqgħod fil-keffa
tal-mistoqsija seħbitha,
tħossokx li qiegħed tilbes libsa li ma tiġikx
u tmur quddiem il-mera 
biex mingħalik tilludi ruħħek?
Issib li xejn mhu xejn u x-xejn hu kollox
U l-ebda xefaq ma jifred
Il-baħar tassew mix-xtajta simulata.
Jiena u int iltqajna fi żmien ħażin
U f’ħin li lanqas jaqbel.
Għaliex xħin jiena ridt nidħol bħal bebbuxu ġo qoxorti
Int ridt tmur tkompli ttajjar
It-tajr tal-karti.

Jien naf li jekk jgħaddi ż-żmien
Hemm kliem sottili aktar li nista’ ngħidlek
U inti tibda’ tifhem.
Iżda sal-lum int għadek ma straqtlix
Dak il-misteru li jiena ridt noffrilek,
Għax int mhux dak li trid.
Fil-karta tal-ħelsien li jien fassalt għalija
Mhemmx int għax inti bqajt ma ħadtx il-forma
Li tixraqlek.

Jekk trid illum tingħaqad miegħi
Ġo dil-kappella ta’ l-iskonsolati
Nintonaw is-sinfonija tal-enimmi
U ntennu kliem Koħelet
O frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.

Alfred Grech
11/06/2018

No comments:

Post a Comment