Kemm Se Ddum?
Kemm se ddum ma tiftaħ
is-separju
tgħolli d-dublett u tibda’
tisfen
il-Paso doble?
Jien lanqas m’għadni
nemmen
fir-rakkont
tiegħek biex nistejqer
jew trid
toqgħod hawnhekk
biex tilgħab
mistoħbija,
ferħa ta’
waħda li taqra l-qsim il-qalb
fuq wiċċ
il-baħar ħiemed.
Kemm sejjra
ddum ma tiftaħ il-persjana
inkella
tfittex il-qassis
biex titlob
maħfra?
Tgħid il-biża’
kien biss tal-fatati jew l-uħux
li jisfumaw fi
sbieħ il-jum?
Għaliex hemm
barra l-kotra
lanqas biss ma
tarf x’qed jiġri.
U kemm se ddum
tilgħaba din il-logħoba
il-logħoba
tat-tlellix u tal-irtokki?
Tgħodd biss
lil min idawwar wiċċu
biex iħares u
jneħħi l-maskra.
Il-ħarsa
tiegħek iva tinfed
u issa li ġejt
tfittixni
għandek bżonn
min ifissirlek
għaliex
ninħtieġ id-dwejjaq
biex nibda’
nifhem.
Alfred Grech
16.07.2018
No comments:
Post a Comment