Impotenti u Bla Saħħa.
Impotenti u bla saħħa din il-karba
li toħroġ
mill fissuri u mill-għerien ta’ qiegħ ir-ruħ
tixxabbat u
tiggranfa mal-gollieq
biex
tispiċċa fil-widejn indifferenti
ta’min
għandu l-flus u għandu setgħa.
Fejn huma
dawk il-qċaċet tal-għoljiet
li fuqhom
trid tistrieħ is-saħħa u l-ħajja ħienja ta’ dal-poplu
L-irjus li
jinxtraw mill-għasafar tal-ħtif
u jsarrfu
ta’ għodda fil-magna
li titħan u
trambal u tkisser ix-xewqat u l-ħolm
tat-trasfigurazzjoni
tal-pajżaġġ u tal-ambjent.
li fih
ilkoll nieħdu n-nifs, nitħarrku u nitrejjqu?
Impotenti u
bla saħħa dan il-poplu mal-profeti tiegħu
quddiem din
l-għarukaża u dil-ħniżrija
fuq
il-mitbaħ ta’ Mommone
fejn
ir-ragħwa tal-wiċċ issebbaħ il-fdal tal-bastiment li għereq
ta’ din
il-prostituta li f’idejn il-manigoldi ta’ ħafna flus
żverġnat u
żvinat lilha nnifisha biex tpaxxihom.
X’ser
jgħidu dawk li jiġu minn warajna
dawk li
jiġu minn ħafna mili l-bogħod
u jxerrdu
dmugħ tal-kukkudrilli
għal din
l-art ħelwa, l-omm li tagħtna isimha?
Daqs iż-żibel
u l-iskart qed jagħtu każ
ta’ x’jaħsbu
n-nies u jrid il-poplu
li
jistħoqqlu, illum iktar minn qatt qabel
li jimraħ,
iberraħ ruħu u jieħu n-nifs f’dawk l-inħawi
li huma
wirt minn Alla.
Din hija
dik ix-xbejba li spiċċat f’idejn il-manigoldi
li baqgħu
jinfdu u jaqsmu l-laħam dghajjef,
li baqgħu
jonfħu dejjem jonfħu dil-bużżieqa
li qatt ma
trid tinfaqa'.
U issa li
kullħadd ixxaħxaħ f’semhu tal-kemxa
li jqassmu
l-ħallelin wara xi serqa
x’ser
ngħidu aħna lil uliedna u ulied uliedna
taż-żminijiet
li għad iridu jiġu,
aħna
l-gwardjani tal-wirt ambjentali u spiritwali
li
ħallewlna dawk li ġew qabilna,
ta’ dak li
jagħmilna dak li aħna?
Aħna nħrsu bla jindaħal f’din it-traġedja rriversibbli
ta’ flus,
flus, flus u aktar flus?
Alfred
Grech
20/09/2018