Thursday, 20 September 2018


Image result for planning autority approves 38 tower

Impotenti u Bla Saħħa.

Impotenti u bla saħħa din il-karba
li toħroġ mill fissuri u mill-għerien ta’ qiegħ ir-ruħ
tixxabbat u tiggranfa mal-gollieq
biex tispiċċa fil-widejn indifferenti
ta’min għandu l-flus u għandu setgħa.
Fejn huma dawk il-qċaċet tal-għoljiet
li fuqhom trid tistrieħ is-saħħa u l-ħajja ħienja ta’ dal-poplu
L-irjus li jinxtraw mill-għasafar tal-ħtif
u jsarrfu ta’ għodda fil-magna
li titħan u trambal u tkisser ix-xewqat u l-ħolm
tat-trasfigurazzjoni tal-pajżaġġ u tal-ambjent.
li fih ilkoll nieħdu n-nifs, nitħarrku u nitrejjqu?

Impotenti u bla saħħa dan il-poplu mal-profeti tiegħu
quddiem din l-għarukaża u dil-ħniżrija
fuq il-mitbaħ ta’ Mommone
fejn ir-ragħwa tal-wiċċ issebbaħ il-fdal tal-bastiment li għereq
ta’ din il-prostituta li f’idejn il-manigoldi ta’ ħafna flus
żverġnat u żvinat lilha nnifisha biex tpaxxihom.

X’ser jgħidu dawk li jiġu minn warajna
dawk li jiġu minn ħafna mili l-bogħod
u jxerrdu dmugħ tal-kukkudrilli
għal din l-art ħelwa, l-omm li tagħtna isimha?

Daqs iż-żibel u l-iskart qed jagħtu każ
ta’ x’jaħsbu n-nies u jrid il-poplu
li jistħoqqlu, illum iktar minn qatt qabel
li jimraħ, iberraħ ruħu u jieħu n-nifs f’dawk l-inħawi
li huma wirt minn Alla.

Din hija dik ix-xbejba li spiċċat f’idejn il-manigoldi
li baqgħu jinfdu u jaqsmu l-laħam dghajjef,
li baqgħu jonfħu dejjem jonfħu dil-bużżieqa
li qatt ma trid tinfaqa'.

U issa li kullħadd ixxaħxaħ f’semhu tal-kemxa
li jqassmu l-ħallelin wara xi serqa
x’ser ngħidu aħna lil uliedna u ulied uliedna
taż-żminijiet li għad iridu jiġu,
aħna l-gwardjani tal-wirt ambjentali u spiritwali
li ħallewlna dawk li ġew qabilna,
ta’ dak li jagħmilna dak li aħna?
Aħna nħrsu bla jindaħal f’din it-traġedja rriversibbli
ta’ flus, flus, flus u aktar flus?

Alfred Grech
20/09/2018


No comments:

Post a Comment