L-Oxxenita’.
Fl-aħħar sabu ż-żejt jew
il-minjieri tad-deheb
Huma li draw iħarrku d-dras
tal-ingranaġġ
U tal-inerzja
Ipejjpu d-dlam supra statali
supra naturali
Jikkontemplaw l-asppartamenti
tal-miljuni
Li jinbiegħu fuq il-pjanta virtwali
ta’ din l-art ħelwa
l-Omm li tagħtna isimha,
bil-miljuni tal-miljuni
imferrxa u ma jistħux
biex jiftaħru li n-negozju qiegħed
jikber
mal-investiment u
mal-ekonomija.
Aħna nippublikaw il-poeżija
oxxena
Fuq il-bibien u twieqi
tal-irjus
Imbagħad nistaħbew
fil-kmamar imnaqqxa
Bl-umdita xħin huma joħorġu
flushom bil-gżuż
Fil-bramel taż-żibel
Bl-ilbies ta’ taħt imtabba
U noqgħodu nisimgħu il-leħen
Tal-biża u tat-terrur li jinfed
il-ħitan taċ-ċelel.
Hekk huwa l-ġejjieni ta’
nazzjon mgħedi fit-tenessija
Tal-aljenazzjoni u
l-affluwenza
Li issa beda jobżoq
in-nirien fil-bibien ewlenija
Tal-lukandi tal-ħames kwiekeb
U aktar ixxarrab
bil-pitrolju
Tal-ħwienet tax-xorb u
t-tabarini.
Saret purgatorju ta’
did-dinja
Li tgħaddi minn triqat u
tibla’
Kull ma jgħidu dawk li jaħsbu
u jitkellmu għal-ħaddieħor
Għalina, għalihom għal
kullħadd.
Noħolmu l-ħolm tad-drogi
Tal-ħmir il-lejl u
tal-profeti foloz wara ljieli
Ta’ bla rqad, ta’
drogi,tal-alluċinjazzjonijiet
U tal-aljenazzjoni.
Għaddejjin minn toroq li ma
jwasslu għal imkien
Minn sqaqien għomja
bħall-iħirsa li jidhru
Iżda li mhumiex għajr
il-bnedmin
Li magħom niltaqgħu ta’
kulljum.
Dawn huma l-istejjer li
jixxardru fuq l-Aħbarijiet
Il-ħrejjef tal-mogħodija
taż-żmien.
Alfred Grech
26/09/2018
No comments:
Post a Comment