Baqgħu Jibnu, Baqgħu Jghollu.
Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu
Baqgħu jagħffġu kullimkien
Baqgħu jibnu u mbagħad iħotti
Fejn stajt timraħ m’hemm imkien.
Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu,
Ma kien hemm kontroll imkien,
Għax mhemmx rieda li nsalvawha
‘L-dinb l-art ħelwa mit-telfien.
Baqgħu jgħidu li se jsibu
Soluzzjoni bla dewmien,
U ħallew lil min iħarbat
U jinkwina kullimkien.
B’hekk issib l-ekonomija
Baqgħet tikber u tiżdied,
U qalulna li se ngawdu
għax ma jiġi xejn bil-fsied.
Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu
Biex m’għad baqa’ kenn imkien
Fejn tistrieħ u toqgħod waħdek
Tgħożż il-ħemda tal-għerien.
Għax taħt skuża jew taħt oħra
Riedu jkomplu jagħmlu l-flus,
Għax mingħajrhom xejn ma tagħmel
U la tgħannaq, lanqas tbus.
Ħadd ma żammhom, baqgħu jibnu,
Dawn qed biss jiżviluppaw,
Biex hekk Malta ssir ftit isbaħ,
Toqgħodux tikkritikaw.
Faqqsu l-ispekulaturi,
Qalu sew, u bir-raġun
Żdied il-qliegħ ukoll it-talba,
Dan żvilpupp, m’hemmx paragun.
Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu,
Issa lanqas hemm fejn tmur,
Tieħu n-nifs u xi ftit arja,
Għax issib spekulatur.
U komplew bużżieqa jonfħu,
Donnha din ma tinfaqax,
Għaliex jonfħu u jibqgħu jonfħu,
Tagħtix każ! Ma jimpurtax.
Iżda tiġi għad ġurnata
Niġu nfittxu u ma nsibux,
Rokna waħda bil-ħamrija
Jew il-ward għax ma jikbrux.
Alfred Grech
16/07/2017
No comments:
Post a Comment