Monday, 3 July 2017




Jien Niġi Kull F’l-Għaxija.

Jien niġi full f’l-għaxija qalb id-dlam ta’ wara l-bjut,
biex nara jekk noqrobx xi ftit u nsib id-differenza ta’ bejnietna.
Min jaf jekk teżistix? Min jaf hemmx oħra bħalek?
Kull filgħaxija ngħaddi minn dat-toroq li jrossu wara t-twieqi u l-antiporti
d-dlamijiet li fihom naħbu
dak kollu li jgħoddx matul il-jum
u ma jingħadx fid-dawl tax-xemx.
Kull filgħaxija ninża’ l-qoxra li taqdini tul il-jum
u nindiehes mal fewġiet is-serħ li tmewwitli kull indiema.
Kull filgħaxija nintasab ngħarrex bħalma jgħarrex is-sajjied
għall-xi kewkba li trid taqa’,
imm’inti mhux lakemm tintlemaħ.
Kull filgħaxija naħseb li wasalt fejn kelli nasal. Iżda nsib
illi dħalt fi wieħed mis-sqaqien ta’ wara l-kantuniera.
Jien ħlomt li ġejt niltaqa’ miegħek ja ruħ li taf tfarraġni,
fit-taħlita ħsibijiet u konġetturi.
Għalhekk it-tnejn irridu naqsmu ħajjitna ma xulxin
għaliex ma kienx hemm għazliet oħra x’nistgħu nagħżlu
għajr illi t-tnejn noqgħodu nħarsu ġewwa l-mera.
U jekk ma tkunx tassew, aktarx noħolqok jiena.

Alfred Grech
03/07/2017


  

No comments:

Post a Comment