Wednesday, 12 July 2017







Kollox Lellux

Kollox lellux li ma jlellilx
Imxellel fis sliem li ma jsellimx
Maqsum fi tnejn u ma jaqax
Ma nafx fejn nerġa’ nista’ nsibek.
Ja sirena li ma tgħannix
U ma tgħaddix minn dawn l-inħawi,
Tiela’ u nieżla ma mewġ imewweġ
Ma xtut li ma jidhrux,
Kien hemm żmien li kont titfaċċa
Bla ma jistiednek ħadd.
U f’nofs ta’ nhar ta’ jum ta’lulju
Wiċċek jitfaċċa ma kull ipotesi
Imżewewaq mal-urieżaq muti
Li jsajjru l-għeneb li ma jxenxilx,
Sibilla tħares lejja
B’idejha marbutin
U bi tbissima fuq xofftejja.

Jien nibqa’ hawnhekk qed nistenniek
Taħt din id-dielja li taf il-ġrajja tagħna.
Inperreċ ruħi f’dal-kliem
B’hekk biss inħossni qed nistagħna.

Alfred Grech
12/06/2017


No comments:

Post a Comment