Wednesday, 28 December 2016




Fid-Dell Evanexxenti.

Fid-dell evanexxenti ta’ dir-ruh mitlufa
tixref biss l-apparenza; is-similitudni
ta’ dak kollu li xi darba kien jixxiebaħ.
Ejja saħħara tal-millenji,
ħalli xuxtek titliegħeb ma riħ fuqan
li jingħi salt ġagulatorji ta’ rwieħ minsija,
fid-dell ta’ trasparenza li qatt ma tidher.
Werżaq kemm trid id-dwejjaq ta’ jum ieħor,
il bikja tal-mewġiet li jmorru u jiġu,
li jmellsu ta’ kulljum max-xtajta tieghek.
Int tista’ tqajjem riefnu ħalli jiknes
il-ħmerijiet li ta’ bil-fors ikollok tisma’,
u tqajjem maltempata illi tqaċċat
l-antenni minn għeruqhom,
u hekk ma tħalli ‘l-ħadd bi kwietu.
Din tkun il-karba tiegħi li trid togħla
’l-fuq mis-sħab, lejn sema’ li f’dawn l-inħawi
ma jqanqal ebda faraġ.

Tista’ wkoll, jekk trid, taħsel bid-dmugħ tiegħek din l-art ħawlija
bħal meta jaħsel id-dulluvju li jġorr miegħu
il ħmieġ li s’issa nġemgħa,
kull qafas li jassarna;
għaliex fil-jasar issa nsibu t-triq tal-hena.

Alfred Grech.

28/12/2016 

No comments:

Post a Comment