Inżel Ja Dalma.
Inżel ja dalma lejlija
ħa tnissi l-ennui
Jinqela’ ġewwa
taġen il-ħin moħli,
Ifraħ ja qamar
mistħi għax m’għadekx
Tkebbes ġewwa
fija l-ġamar tal-ħuġġieġa
F’nofs kamp taħt
sema ndifferenti.
Ifraħ, għaliex
is-skiet ta’ din il-lejla
Jifdi d-dwejjaq u
l-uġiħ inċidentali,
U int ja poeżija,
ejja kemm trid
Busni, igdimni
aħraqni għax jiena
Ngħix ġo din
id-dinja, nawfragat
Fil-baħar infinit
tal-ħela tiegħek.
Ejja u iktibli b’ilsna
tan-nar fuq sidri
Tatwaġġ ta’ dak
li huwa xieraq
Biex inkun naf
hux qed nistordi
Inkella qed niġġennen.
Jew naħseb l’għad
niltaqgħu
Biex tgħidli x’ikun
dak li jafu biss il-kwiekeb.
Inżel ja dalma lejlija
Għax xħin inkun
fil-beraħ
Jiżdiedu dawk
l-ilsna tan-nar
Ġo fuklar
imġemmed bir-rimorsi
Mas-serħan li
tfittex lejla twila
Biex jiswieli f’dak
kollu li rrid niftakar
L-għada.
Alfred Grech.
27/12/2016
No comments:
Post a Comment