Monday, 20 March 2017







119.
Ħallini ħa nisimgħek sbejjħa tgħanni
li bħali ta’ kulljum il-fehema tiegħek
twassalha u bħal kull waqt tal-għana tiegħek
insir mill-ġdid għannej waqt li nisimgħek.
Għax ħielsa bħal mhi tiegħi l-għanja tiegħi,
din is-sonata twila jew qasira.
Għax bħalek jien irrid ħelsien infittex
mingħajr ma nħabbel rasi jekk hux nogħoġob
inkella qed indejjaq lil ħaddieħor.
U dan bħal kull għannej li jgħanni ħieles
li jfittex qabel xejn li jberraħ qalbu,
jistrieħ mit-toqol tal-monotonija,
u bħal profeta jidwi l-leħen tiegħu,
u bħal poeta jsib l-ispazju tiegħu.

Alfred Grech

20/03/2017

No comments:

Post a Comment