Tempora Mutantur . . .
Hemm waqtiet li xtaqtek ħdejja,
hemm waqtiet li ħrabt il-bogħod,
hemm waqtiet ridt noqgħod waħdi,
Meta ġismi kien jirtogħod.
Hemm waqtiet stħajjiltek anġlu
hemm waqtiet ma ridtx naf bik,
hemm waqtiet li lili nnifsi
bdejt nistaqsi: X’qed jagħtik?
Hemm waqtiet li moħħi ddallam,
sirt il-ħtija ta’ kull qerq,
hemm waqtiet li lluminajtni
xħin kull mossa ġiet bis-serq.
Jekk għalhekk tistaqsi tibda’,
kif ninbidel ħin bla waqt,
u minn moħħok jibda’ jgħaddi
ħsieb ħażin li qatt ma xtaqt,
Kun af biss li jien ninbidel
u jinbidel bħali ż-żmien,
għax f’dil-ħajja xejn ma jibqa’
bla mittiefes, bħal ma kien.
Alfred Grech
26/03/2017
No comments:
Post a Comment